Ix-xahar ta’ Diċembru hu xahar partikulari. F’dan iż-żmien ħarset kulħadd taqa’ fuq il-maxtura u fuq l-għar ta’ Betlehem. Dan huwa xahar speċjali għall-komunità tas-Seminarju wkoll. F’dan iż-żmien il-programm tal-ġurnata jiġi mmodifikat. Jisbieħ ukoll il-bini tas-seminarju u anki jiġu organizzati attivitajiet li ma jsirux fil-bqija tas-sena.
Tul żmien l-Avvent jiżdiedu l-mumenti ta’ talb komunitarji. Fost l-oħrajn, ta’ kuljum fis-6.15am isir it-talb tal-Uffiċċju tal-Qari. Fil-Quddiesa ta’ kuljum isir ħsieb fuq il-Kelma ta’ Alla. Eventwalment, din is-sena, mill-14 ta’ Diċembru bdiet ukoll in-Novena tal-Milied bi ħsibijiet imħejjijin mis-seminaristi. Mument partikulari għal din is-sena kien il-Ħamis 10 ta’ Diċembru. Dakinhar is-seminaristi żaru lil xi saċerdoti anzjani fi djarhom.
Fl-aħħar jiem ta’ qabel il-Milied, is-seminaristi flimkien mal-formators, żejnu s-Seminarju permezz tat-tiżjin tal-Milied. F’dawn il-ġranet ġew organizzati diversi attivitajiet, ta’ min isemmi l-attività għall-abbatini u għall-gruppi tal-vokazzjonijiet, l-ikla għal-lecturers, il-quddiesa fl-għar u fl-aħħar l-attività flimkien mal-familjari tas-seminaristi.
Din is-sena s-seminaristi ħarġu għall-vaganzi tal-Milied nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru. Dakinhar saru l-aħħar lectures għas-sena 2015. Huma se jirritornaw lura nhar it-Tlieta 5 ta’ Jannar 2016.