News

Żmien l-Avvent u Żmien il-Milied fis-Seminarju

Ix-xahar ta’ Diċembru hu xahar partikulari. IMG_2010 F’dan iż-żmien ħarset kulħadd taqa’ fuq il-maxtura u fuq l-għar ta’ Betlehem.  Dan huwa xahar speċjali għall-komunità tas-Seminarju wkoll.  F’dan iż-żmien il-programm tal-ġurnata jiġi immodifikat.  Jisbieħ ukoll il-bini tas-seminarju u anki jiġu organizzati attivitajiet li ma jsirux fil-bqija tas-sena.

Tul żmien l-Avvent jiżdiedu l-mumenti ta’ talb komunitarji.  Fost l-oħrajn, ta’ kuljum fis-6.15am isir it-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u f’12.00pm issir it-Talba ta’ Nofs il-Jum.  Fil-quddiesa ta’ kuljum isir ħsieb fuq il-Kelma ta’ Alla.  Eventwalment mill-15 ta’ Diċembru bdiet ukoll in-Novena tal-Milied bi ħsibijiet imħejjijin mis-seminaristi.

IMG_2117Mument ieħor speċjali, li jaħbat f’dan iż-żmien, hija l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, li hi wkoll it-titular tal-kappella tas-seminarju t’Għawdex.  Għaldaqstant, din hi festa speċjali għall-komunità.  Din is-sena, filgħaxija, mess lil Mario Curmi jagħmel il-ħsieb tal-okkażjoni.  Dan għamlu waqt it-talba tal-Għasar.  Fil-festa tal-Kunċizzjoni filgħodu, is-seminaristi jagħtu s-servizz tagħhom għall-Quddiesa fil-Katidral, u filgħaxija jkunu mistednin biex bħala komunità jmexxu l-Ewkaristija fil-knisja konventwali ta’ San Franġisk.

Fl-aħħar jiem ta’ qabel il-Milied, is-seminaristi flimkien mal-formators, jieħdu ħsieb iżejnu l-binja tas-seminarju permezz tat-tiżjin tal-Milied.  Hekk iħejju l-binja għall-attivitajiet li jiġu organizzati għal diversi gruppi fil-jiem ta’ qabel il-Milied.  Fost dawn wieħed ta’ min isemmi l-attività għall-abbatini u għall-gruppi tal-vokazzjonijiet, l-attività IMG_2666lill-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, il-bibita tal-lecturers, il-bibita flimkien mal-komunità tal-Ingliżi u fl-aħħar l-attività flimkien mal-familjari tas-seminaristi.

Din is-sena s-seminaristi ħarġu għall-vaganzi tal-Milied nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru.  Dakinhar saru l-aħħar lectures għas-sena 2014.  Nhar l-Erbgħa 17, is-seminaristi kellhom ir-revision de vie (nofstanhar ta’ riflessjoni) u wara organizzaw il-quddiesa fl-għar fix-Xagħra.  Ta’ min jgħid li din kienet l-aħħar quddiesa li mexxa Dun Daniel Xerri, bħala rettur, flimkien mas-seminaristi.

Ritratti

Share it on