Iż-żmien liturġiku tar-Randan, minnu nnifsu hu żmien li jitlob eżerċizzju fit-talb, fis-sawm u fil-karità. Is-Seminarju, għal din is-sena wkoll, offra l-opportunitajiet kollha biex is-seminaristi, kemm fuq livell personali kif ukoll bħala komunità, ikunu jistgħu japprofittaw tajjeb minn dan iż-żmien. Fil-programm żdiedu l-mumenti tat-talb, fosthom it-talba ta’ nofs il-jum, il-Via Sagra u l-Via Matris. It-Tnejn 14 ta’ Marzu saret ukoll ċelebrazzjoni penitenzjali għas-seminaristi. L-Erbgħa 16 ta’ Marzu saret il-korrezzjoni fraterna u l-Via Sagra fuq l-Għolja t’Għammar. Din is-sena s-seminaristi ħadu ħsieb jorganizzaw half day of recollection għall-istudenti tal-forms 3 u 4, tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù kif ukoll attività għall-istudenti tas-6th Form li żaru s-Seminarju. Kull nhar ta’ Ħamis, tul ir-Radan, is-seminaristi żaru wkoll l-eżerċizzi li kienu qegħdin jingħataw fil-parroċċi u fil-knejjes sabiex jiġbru l-offerta ġeneruża tal-poplu ta’ Alla għas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa s-seminaristi kellhom l-irtir tagħhom u wara huma kellhom ħmistax vaganzi. Il-komunità rritornat fis-Seminarju nhar it-Tnejn 4 ta’ April 2016.
Ritratti