News

Żjara tal-Kardinal William Joseph Levada

Visit of Cardinal Levada (2)Tul il-ġimgħa li għaddiet, prelat tal-Knisja Kattolika onora s-Seminarju tagħna permezz taż-żjara tiegħu.  It-Tnejn 14 ta’ Jannar l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal William Joseph Levada ngħaqad mal-komunità tagħna għall-ikel ta’ nofsinhar.  Flimkien miegħu ġew ukoll l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech, l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, u Mons. Charles J. Scicluna, l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

Il-Kardinal William Joseph Levada hu l-Prefett Emeritu tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.  Hu twieled f’Los Angelis, California, fl-Istati Uniti, fl-1936.  Qeda l-ministeru tiegħu bħala Isqof Awżiljarju tad-Djoċesi tal-oriġini tiegħu.  Wara għamel xi żmien Arċisqof ġewwa l-Arċidjoċesi ta’ Portland in Oregon; Arċisqof f’San Francisco, California; u wara Amministratur Appostoliku ġewwa Santa Rosa, California.  Fis-sena 2005 ħa post il-Kardinal Joseph Ratzinger (illum il-Papa Benedittu XVI) bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.  Hu ħalla minn din il-kariga f’Lulju 2012.

L-Eminenza tiegħu l-Kardinal William kien f’Malta għal xi laqgħat.  Tul il-waqfa tiegħu f’Malta hu għamel żjara f’Għawdex.  Fi tmiem l-ikla, hu rringrazzjana tal-akkoljenza li tajnih, awguralna l-isbaħ xewqat għall-futur u tana l-barka tiegħu.

 

Ritratti

Share it on