Nhar il-Ħamis 18 ta’ Frar 2016, is-seminarista Michael Grima u Carl Scerri ippreżentaw it-talba tagħhom lil Mons. Isqof biex jaċċettahom għall-ordinazzjoni djakonali. Id-djaknu Massimo Buttigieg ippreżenta t-talba għall-ordinazzjoni presbiterali. Dan sar waqt il-Quddiesa filgħodu fil-kappella tas-Seminarju stess, fil-preżenza tal-formators, is-seminaristi u anke s-sorijiet.
Waqt il-prietka l-Isqof qal li “aħna s-saċerdoti ma nagħmlux il-vot tal-faqar, imma lanqas għandna ninqdew bis-saċerdozju biex nagħmlu l-flus.” L-Isqof sostna li l-attitudni ta’ “tallaba” għandha tgħin lis-saċerdoti jqisu bil-għaqal ir-relazzjoni tagħhom mal-ġid tad-dinja. Qal li meta l-assigurazzjoni tas-saċerdoti tkun il-ġid materjali u mhux Alla u l-Providenza tiegħu, huma jibdew jippreokkupaw ruħhom kemm se jagħmlu qligħ bir-riskju li jqisu s-saċerdozju tagħhom bħala impjieg jew karriera. Hu insista li wieħed ma jistax jidħol għas-saċerdozju u fl-istess ħin jippretendi li jfassal ħajja komda mingħajr mumenti diffiċli.
Massimo, Michael u Carl ressqu t-talba tagħhom waqt il-mument tal-offertorju.