News

Żewġ seminaristi jressqu t-talba għall-ordinazzjoni djakonali

IMG_3504F’jum is-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, 25 ta’ Marzu 2015, is-seminarista Mario Curmi u Massimo Buttigieg ippreżentaw it-talba tagħhom lil Mons. Isqof biex jaċċettahom għall-ordinazzjoni djakonali.  Dan sar waqt quddiesa fil-kappella tal-Lunzjata, ir-Rabat.  Il-komunità nġabret fil-kappella flimkien mal-kongregazzjoni preżenti għall-kant tat-II Għasar tas-Solennità, li mexxih ir-Rettur tas-Seminarju.  Wara Mons. Isqof mexxa l-quddiesa.

Waqt il-prietka hu ppreżenta lil Marija bħala mudell għal dawk li jaħbtu jaqtgħu qalbhom fl-għażliet li jwettqu.  Marija li għażlet twieġeb “iva” lil Alla, li kellimha permezz ta’ Gabrijel.  Din l-“iva” switilha sagrifiċċji kbar, kif jidher ċar fil-festa ta’ Marija Addolorata.  Madankollu l-Verġni Marija ma qatgħetx qalbha, għax fil-mumenti diffiċli hi kienet tiftakar fil-kliem sabiħ li qalilha l-anġlu fit-tħabbira.  Mons. Isqof stqarr li hemm tliet mumenti, fil-ħajja ta’ kuljum, li fihom il-bniedem jaħbat jaqta’ qalbu jwieġeb “iva” għas-sejħa tal-Mulej.  L-ewwel mument hu meta wieħed jagħżel li jkun ġust u jinduna li n-nies ta’ madwaru qed jisirqu.  Għaldaqstant wieħed jaħbat jaqta’ qalbu jgħix skont kif titlob minnu l-kuxjenza għax iblah.  Mument ieħor fejn wieħed jaħbat iħossu jaqta’ qalbu hu meta jħoss li Alla qed jagħmillu sejħa vokazzjonali.  Anki hawn jeħtieġ li wieħed, bħal Marija, iwieġeb “iva” u jagħmel minn kollox biex din l-“iva”IMG_3514 jwassalha sat-tmiem.  Fl-aħħar hu qal li fil-Festa tat-Tħabbira tal-Mulej aħna niċċelebraw il-ħajja.  Ħafna koppji jsibu ruħhom jibżgħu jkunu miftuħa għall-ħajja, jibżgħu mis-sagrifiċċju.  Anki hawn, kemm hu sabiħ li l-koppja tkun miftuħa biex tilqa’ d-doni li Alla jogħġbu joffrilha.  F’dawn it-tliet aspetti hemm it-tentazzjoni kbira tal-qtigħ ta’ qalb, madankollu, Alla jipprovdi l-anġli li jwasslu kliem ta’ faraġ u kliem ta’ kuraġġ biex wieħed iwettaq bis-sħiħ ir-rieda ta’ Alla għalih fil-ħajja tiegħu.

Waqt il-mument tal-offertorju Mario u Massimo ppreżentaw it-talba tagħhom.  Fl-aħħar tal-quddiesa Mons. Karm Borg, ir-Rettur tal-kappella tal-Lunzjata, għat-tieni sena konsekuttiva, ippreżenta borża ta’ studju lis-Seminarju, li nġabret mill-komunità ċkejkna li tiltaqa’ f’din il-kappella.

Ritratti

 

Share it on