Il-Ġimgħa, 21 ta’ Settembru 2018, is-Seminarju t’Għawdex reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għal sena oħra ta’ formazzjoni. Fl-10am r-Rettur beda b’talkta’ introduzzjoni u wara, is-seminaristi, qasmu l-esperjenzi tagħhom tas-Sajf. Matul is-sajf kull seminarista jagħmel diversi esperjenzi, fosthom esperjenzi ta’ ħidma volontarja ma’ xi għaqda jew grupp f’Malta jew anke ’l barra minn xtutna. Temmejna dan l-ewwel jum b’ikla flimkien ħdejn il-baħar, f’Marsalforn.
Il-Ħadd, 23 ta’ Settembru 2018 filgħodu, il-komunità bdiet il-vjaġġ tagħha lejn l-Irlanda ta’ Fuq fejn hemm għamilna rtir f’monasteru Benedittin “Holy Cross” ġewwa Rostrevor sal-Ħamis, 27 ta’ Settembru. L-irtir tmexxa minn Bro. Thierry, parti Benedittin li jgħix f’dan il-monasteru.
Sbiħ il-Ġimgħa filgħodu morna Maynooth, fl-Irlanda, fejn żorna s-seminarju t’hemm.
Wara din iż-żjara morna Dublin, il-belt kapitali tal-Irlanda, fejn żorna diversi postijiet turistiċi fosthom il-Katidral ta’ Saint Patrick.
Din l-esperjenza ġewwa l-Irlanda waslet fi tmiemha s-Sibt. Wara nofsinhar qbadna l-vjaġġ lura u filgħaxija wasalna lura Għawdex.
It-Tnejn, l-1 ta’ Ottubru, tajna bidu għal-lekċers.
Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru ġiet iċċelebrata l-Quddiesa lill-Ispirtu s-Santu, immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech, fil-bidu ta’ sena oħra.
Waqt l-omelija, Mons. Grech wissa lis-seminaristi biex ma jħallux “l-iskemi kultwali li writna” jillimitaw il-preżenza ta’ Ġesù f’ħajjithom. Dan jista’ jiġri lil kulħadd imma fil-komunità tas-Seminarju faċli nħallu l-abitudni tagħmina. L-Isqof tkellem mill-importanza li nibqgħu dejjem miftuħin għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu. Huwa għalaq bi stedina biex il-Knisja tiftaħ qalbha għal dawk li “tfixklu fit-triq tal-fidi”. Dan jibda billi nwettqu l-ħidma pastorali tagħna b’ħafna mħabba.
Għal din il-Quddiesa kienu mistiedna l-professuri, il-familjari tas-seminaristi u l-membri tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.
Fi tmiem il-Quddiesa saret bibita fis-sala.