Kif kien ġie mħabbar fl-aħħar xhur, l-għeluq tas-sena formattiva tas-Seminarju għal din is-sena se jkun wieħed mhux tas-soltu għaliex nhar il-21 ta’ Ġunju li ġej il-komunità tas-Seminarju se tħalli lil Malta sabiex tmur tagħmel esperjenza volontarja fil-missjoni ta’ Dun Anton Grech fil-Gwatemala. Bħala parti mill-preparazzjoni għal din il-missjoni, is-Seminarju se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet ta’ fundraising.
L-ewwel attività li saret kienet mixja ta’ ħmistax-il kilometru mis-Seminarju għal Ta’ Pinu imbagħad għaddiet għall-Wied il-Għasri u Marsalforn u lura fis-Seminarju. Mal-wasla fis-Seminarju kulħadd sab tistennieh xi belgħa kafè jew tè u xi pasta! Il-parteċipanti kienu mitluba jagħtu donazzjoni libera, b’dik proposta mis-Seminarju kienet ta’ 15-il ewro. Din il-mixja saret nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar u damet għal madwar tlett sigħat. Minn qalbna nixtiequ nirringrazjaw lil kull minn ħa sehem. Il-parteċipanti kienu madwar tmenin persuna.
L-attività li jmiss se tkun Carwash li se ssir is-Sibt 18 ta’ Marzu bejn id-9.00am u s-6.00pm fil-parking tal-Arkadia u fil-parking tal-Iskola Agius de Soldanis. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jipparteċipa! Narawkom!