News

Tislima lil Dun Daniel Xerri

IMG_2137Kif kien tħabbar f’Settembru li għadda, fl-aħħar ta’ Diċembru 2014, Dun Daniel Xerri kellu jtemm il-ministeru tiegħu bħala rettur tas-Seminarju.  B’dan il-mod, Dun Tony Sciberras mssp, ikun jista’ jibda l-ministeru tiegħu mas-sena l-ġdida.

Għaldaqstant, tul ix-xahar ta’ Diċembru 2014, ġew organizzati xi attivitajiet li permezz tagħhom il-komunità setgħet trodd ħajr lil Dun Daniel għas-servizz tiegħu.  L-ewwel mument kien is-Sibt 6 ta’ Diċembru.  Dakinhar filgħodu, il-lecturers u l-formators tas-Seminarju ġew mistiedna għall-quddiesa li mexxa Mons. Isqof.  Fil-ħin tal-omelija Mons. Grech tkellem dwar is-sejħa li l-Mulej qed jagħmel lill-Knisja biex tiġġedded, u fuq l-eżempju ta’ Kristu tinħall minn irbit li għadu jrażżanha milli toħroġ u xxandar il-Kelma ta’ Alla lil kull bniedem.  Fi tmiem il-Quddiesa Mons. Isqof irringrazzja lir-Rettur tas-servizz tiegħu.  Dun Richard N. Farrugia, f’isem il-lecturers u l-formators għamel ukoll messaġġ ta’ radd il-ħajr.  IMG_2830Dun Daniel min-naħa tiegħu stqarr li dawn kienu għalih snin challenging imma snin sbieħ, li fihom hu pprova jkun “il-qaddej li wettaq biss dak li kellu jagħmel”.

It-tieni attività saret is-Sibt 13 ta’ Diċembru, flimkien mal-Grupp tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.  Nhar il-Ħamis 18 ta’ Diċembru mess lis-seminaristi jorganizzaw attività biex iroddulu ħajr għal dak kollu li għamel magħhom u mas-seminaristi li ġew qabilhom tul dawn l-aħħar seba’ snin.  Fi tmiem din l-attività s-seminaristi u s-superjuri ppreżentaw ir-rigal tal-okkażjoni lil Dun Daniel.  IMG_2909

L-aħħar attività kienet il-Quddiesa ta’ radd il-ħajr li tmexxiet minn Mons. Isqof nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru filgħaxija. Għal din il-Quddiesa kienu mistiedna wkoll il-familjari tas-seminaristi u l-ħaddiema tas-Seminarju.  Mons. Isqof esprima r-radd il-ħajr tiegħu lil Dun Daniel f’isem dawk kollha preżenti u f’isem is-saċerdoti li ġew akkumpanjati minnu tul l-aħħar snin.  Fi tmiem il-quddiesa ġie organizzat festin tal-okkażjoni, u b’dan il-mod is-seminaristi kollha rritornaw lejn djarhom, flimkien mal-familjari tagħhom, għall-vaganzi tal-Milied.

Ritratti

Share it on