Il-Ħamis 11 ta’ Ġunju s-seminaristi temmew l-eżamijiet tagħhom. Ta’ kull sena, dan il-mument jimmarka t-tmiem tas-sena ta’ formazzjoni. Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju s-seminaristi ngħaqdu mal-Knisja fiċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Qalb Qaddisa ta’ Ġesù. Is-Sibt u t-Tnejn huma kellhom xi laqgħat konklużivi. F’dawn l-aħħar ġranet is-seminaristi raddew ħajr u awguraw lil Dun Michael Curmi fi tmiem is-servizz tiegħu bħala Viċi Rettur tas-Seminarju u fil-bidu tal-ministeru l-ġdid tiegħu bħala Arċipriet f’Ta’ Sannat.
It-Tnejn 15 ta’ Ġunju Mons. Isqof Mario Grech mexxa l-Quddiesa t’għeluq is-sena. Ikkonċelebraw flimkien miegħu l-formators tas-Seminarju u Dun Joseph Curmi (ħu Dun Michael Curmi). Għal din il-Quddiesa kienu mistiedna l-ġenituri u l-familjari tas-seminaristi, flimkien mal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, il-ħaddiema u l-helpers tas-Seminarju.
F’din l-okkażjoni Mons. Isqof ibbaża l-ħsieb tiegħu fuq il-Vanġelu tal-ġurnata (Mt 5,38-42). Dan il-Vanġelu jfakkarna kemm l-umanità tagħna hi tassew dgħajfa u għaldaqstant ifakkarna kemm hu meħtieġ li aħna naħdmu biex nikkoreġuha. Jekk dan jgħodd għal kull Nisrani, jgħodd b’mod speċjali għall-ministri ta’ Alla. L-umanità tagħhom hija kanal importanti biex il-grazzja u l-Bxara t-tajba jaslu għand il-bnedmin. Hu għalhekk li fis-Seminarju tingħata ċerta importanza lid-dimensjoni umana tal-formazzjoni tas-seminaristi. Saċerdot verament uman jista’ jagħmel possibbli li l-Knisja tkun tassew il-messaġġiera ta’ Ġesù Kristu “veru Alla u veru bniedem”. Mons. Isqof temm ir-riflessjoni tiegħu billi radd ħajr lill-formators tas-Seminarju li jaħdmu kontinwament biex is-seminaristi jikbru tassew fl-uman tagħhom. Hu radd ħajr fuq kollox lill-familjari tas-seminaristi. Huma dawn li sa mill-bidu sawru l-personalità ta’ kull seminarist.
Fi tmiem il-Quddiesa r-Rettur, f’isem Mons. Isqof, il-formators, is-seminaristi, is-sorijiet, il-ħaddiema, il-helpers u l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, ippreżenta rigal ta’ apprezzament lil Dun Michael Curmi. Min-naħa tiegħu Dun Michael wera l-apprezzament tiegħu u wiegħed li se jżomm lis-Seminarju u lis-seminaristi f’talbu u f’qalbu. Kollox ġie fi tmiemu permezz ta’ festin.