Huma diversi dawk li jistaqsu dwar x’joqogħdu jagħmlu s-seminaristi fil-ġranet li fihom ikunu fis-Seminarju. Is-seminarista, għal seba’ snin sħaħ, iqatta’ ħafna ġimgħat ‘magħluq’ f’din id-dar ta’ formazzjoni, biex iħejji ruħu tajjeb għall-ħajja saċerdotali.
Is-Seminarju jgħin sabiex iż-żagħżugħ jikseb formazzjoni integrali. Qabel kollox, is-seminarista jkollu l-għajnuna biex jaħseb u jirrifletti fuq is-sejħa għas-saċerdozju, li hu jkun qed iħoss f’qalbu. Tul dawn is-seba’ snin hu jrid jasal li jikkonferma li Alla tassew qed isajjaħlu għal dan it-tip ta’ ħajja. Għaldaqstant il-formators (persuni ta’ esperjenza magħżula biex jakkumpanjaw lis-seminarista) jgħinu lil dan iż-żagħżugħ jifhem u jaċċetta aktar lilu nnifsu, u anki jikber fil-ħajja spiritwali tiegħu. L-esperjenzi pastorali li s-seminarista jwettaq fil-weekend u anki fis-sena intermedjarja, ikomplu jgħinu biex hu jiżżejjen dejjem aktar b’qalb ta’ ragħaj.
Sadanittant is-seminarista għandu wkoll ir-responsabbiltà li jħejji lilu nnifsu tajjeb akkademikament għal din il-missjoni mpennjattiva. Għal din ir-raġuni, tul iż-żmien li fih ikunu fis-Seminarju, is-seminarista jitħarreġ fix-xjenzi tal-filosofija u tat-teoloġija. Dan l-istudju jkun ta’ livell terzjarju (fil-fatt il-fakultà tat-teoloġija fis-Seminarju ta’ Għawdex hi affiljata mal-Angelicum Pontificia Università San Tommaso d’Aquino. Mit-Tnejn sal-Ġimgħa filgħodu (barra l-Ħamis). Diversi huma l-lecturers li ta’ kuljum jiġu fis-Seminarju biex jagħtu lectures marbuta ma’ dawn is-suġġetti.
Is-seminaristi Joseph Attard u Mario Curmi, tul ix-xahar ta’ Mejju, kellhom l-eżami de universa (comprehensive), li permezz tiegħu għalqu l-istudji akkademiċi tagħhom fis-Seminarju ta’ Għawdex. Dan filwaqt li l-bqija tas-seminaristi, nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Mejju temmew il-lectures tagħhom għal din is-sena. Għal din ir-raġuni f’dawn il-ġranet huma qed iħejju ruħhom għall-eżamijiet li se jsiru bejn it-Tlieta 2 u l-Ħamis 11 ta’ Ġunju.