Il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru l-komunità tas-Seminarju ngħaqdet flimkien mal-komunità parrokkjali ta’ Ġesù Kristu Ewkaristiku, fl-Għasri, biex trodd ħajr lil Alla għall-grazzji li għoġbu jxerred fuq dawn iż-żewġ komunitajiet tul din il-ġimgħa. Kif issemma qabel, bejn it-Tnejn 19 u l-Ħamis 22 ta’ Novembru, is-seminaristi (tnejn tnejn flimkien ma’ student tal-grupp tal-vokazzjonijiet tal-parroċċa) daru bieb bieb il-familji tal-Għasri u qasmu flimkien magħhom l-esperjenza tagħhom tal-fidi. Fil-waqt taż-żjajjar fil-familji, fil-knisja parrokkjali kien ikun hemm Ġesù espost u anke kien ikun hemm il-possibiltà tal-qrar. Il-Ħamis filgħodu s-seminaristi żaru l-iskola Laura Vicuña, fl-Għasri, u daru l-klassijiet kollha u wasslu messaġġ fuq il-fidi lit-tfal tal-iskola. Dakinhar ukoll, f’nofsinhar, il-formators tas-Seminarju ngħaqdu mas-saċerdoti li jservu fl-Għasri u wara li talbu, huma kielu flimkien.
Ir-Rettur Fr Daniel Xerri mexxa l-quddiesa ta’ radd il-ħajr ’l Alla nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Flimkien miegħu kkonċelebraw il-formators u xi saċerdoti mill-Għasri. Ir-Rettur bena l-omelija tiegħu fuq l-Evanġelju: “il-poplu kollu kien joqgħod imqabbad miegħu biex jisimgħu”. Hu stqarr li l-esperjenza ta’ fidi li għexna flimkien hi xhieda li anke llum il-poplu jrid jisma’ l-Kelma ta’ Ġesù. Din l-istess kelma hi kelma li titlob deċiżjoni radikali minna. Ir-Rettur tkellem minn dan fid-dawl tal-ewwel qari: “Ħa, u ibilgħu, u jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel”. Meta nagħżlu li ngħixu l-Kelma ta’ Alla bis-serjetà din se tiffurmana, se twaġġagħna. Però hu meta aħna nagħżlu li nilqgħu din il-Kelma li aħna nistgħu verament nagħmlu l-frott.
Fi tmiem il-quddiesa Fr Edward Xuereb, il-Kappillan tal-Għasri, radd ħajr lil Alla tal-ħafna grazzji li għoġbu jagħti lill-parroċċa permezz tal-esperjenza. Hu stqarr li ħadd ma jista’ jkejjel il-frott kollu li ħareġ minnha, però hu żgur li l-Mulej uża u se juża din l-esperjenza biex iressaq ħafna nies lejh. Hu rringrazzja wkoll lill-komunità tas-Seminarju talli għoġobha tagħżel il-parroċċa tal-Għasri għal din l-esperjenza. Wara l-quddiesa dawk kollha preżenti kienu mistiedna biex jingħaqdu mal-komunità tas-Seminarju fiċ-Ċentru Parrokkjali għal party ċkejken, imħejji mis-sorijiet u l-helpers tas-Seminarju.