News

Tberik tal-ikona

Mument annwali fil-ħajja tas-Seminarju tagħna huwa t-tberik tal-ikona li tkun tirrappreżenta t-tema li tkun intgħażlet għal dik is-sena. Issoltu dan il-mument isir waqt it-tħabbir tal-Avvent, però din is-sena, minħabba diversi ċirkostanzi, dan ma kienx possibbli.  Għalhekk, nhar is-Sibt 12 ta’ Jannar fil-11am, ġiet ippreżentata u mbierka l-ikona li ser tmexxi lill-komunità tul din is-sena.

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, ir-Rettur, Dun Richard N. Farrugia,qara s-silta mill-Vanġelu skont San Mark (4:1-9). Din is-silta kienet l-ispirazzjoni tal-ikona, speċifikament il-vers “oħrajn waqgħu f’art tajba u għamlu l-frott”. Wara Fr. Joseph Mercieca, li akkumpanja lill-awtur tal-ikona tul il-proċess fir-rigward tat-tifsira teoloġika tat-teknika, fisser id-dettalji prinċipali tal-ikona. Kull dettall fl-ikona għandu sinifikat profond li jagħti lok sabiex wieħed dejjem aktar japprofondixxi fil-messaġġ bibbliku tas-silta permezz tal-ikona. Din is-sena l-ikona bdiet tinkiteb minn Loreta Grech, però tkompliet minn Manuel Farrugia peress li Loreta ma setgħetx tkompli minħabba raġunijiet tas-saħħa.

 

Share it on