Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju s-seminaristi temmew is-sena ta’ formazzjoni tagħhom fis-Seminarju. Issa kull wieħed minnhom ikun jista’ jingħaqad mal-familjari tiegħu għat-tliet xhur tas-Sajf. Tul dawn ix-xhur is-seminaristi jkunu impenjati fil-parroċċi tal-oriġini u anke fil-parroċċi fejn huma qed iwettqu l-esperjenza pastorali tagħhom. Tul is-sajf ukoll kull seminarista jagħmel xi esperjenza ta’ volontarjat. Ħafna minnhom jagħmluha f’art barranija.
L-aħħar tlitt ijiem fis-Seminarju kienu ġranet differenti mill-oħrajn. Filgħodu l-komunità tat id-daqqa t’id tagħha fit-tindif u fil-manutenzjoni tas-seminarju. Filgħaxijiet kellna diversi laqgħat u attivitajiet ta’ konklużjoni, fosthom il-barbeque ġewwa Marsalforn. Dan sar it-Tlieta 18 ta’ Ġunju. L-għada, l-Erbgħa, filgħaxija ngħaqdu magħna l-familjari għall-quddiesa tal-aħħar tas-sena.
Mons. Isqof Mario Grech mexxa l-quddiesa flimkien mal-formators u ma’ Dun Gabriel Gauci, is-saċerdot novell. Mons. Isqof poġġa s-Seminarju taħt il-protezzjoni ta’ San Ġużepp, il-Patrun Universali tal-Knisja. Dan għamlu minħabba l-fatt li l-Papa Franġisku, f’dawn il-ġranet, talab lill-Knisja Universali biex iddaħħal isem San Ġużepp fit-Talba Ewkaristika ta’ kull quddiesa. Mons. Isqof radd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel mas-Seminarju u mad-djoċesi ta’ Għawdex. Alla ħadem permezz ta’ kull wieħed minna: saċerdoti, seminaristi u lajċi; ta’ dan għandna għax inkunu grati lejh.
Fl-omelija Mons. Grech ikkummenta vers ta’ San Pawl, mill-ewwel qari tal-Quddiesa: “min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna” (2 Kor 9,6). Hu ovvju li l-ħsad jiddependi miż-żrigħ. Kull wieħed minna hu msejjaħ biex jiżra’ ħafna u jagħmel ħafna frott. Il-missjoni tagħna fid-dinja hi dik li nkunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. Mons. Isqof qal li din l-evanġelizzazzjoni mhijiex biss missjoni tas-saċerdot, imma kull imgħammed jipparteċipa minnha meta jirċievi l-Magħmudija. Il-Papa Franġisku qal b’mod ċar li aħna m’aħniex imsejħin biex inkunu “Insara tas-salott” imma rridu nkunu Nsara li “inqalqlu l-ilma qiegħed fil-Knisja u fis-soċjetà tagħna”. Mons. Grech żied jgħid li dan nistgħu nagħmluh billi nxandru s-sewwa u l-verità. Ġesù Kristu hu l-verità. Il-missjoni tan-Nisrani hi għalhekk li jgħix u jxandar din il-verità.
Jekk aħna ma nagħmlux hekk, hemm il-periklu li ninħonqu bis-sikrana: bit-tagħlim ħażin, bil-gidba. Mons. Isqof stqarr li s-sikrana nistgħu nirbħulha biss jekk aħna nixhdu għal dak li nemmnu. Il-Papa Franġisku f’omelija oħra stqarr li jekk il-Kattoliċi ma jevanġelizzawx permezz ta’ ħajjithom: “il-Knisja ma tibqax l-omm imma ssir sempliċi babysitter”. L-Isqof ġibdilna l-attenzjoni fuq is-sikrana u qalilna li anke fis-soċjetà tagħna għandna s-sikrana li qed tifrex għeruqha: dan narawh l-aktar fit-tagħlim fuq il-familja. Hu stedinna għalhekk biex aħna l-lajċi, flimkien mas-saċerdoti nkunu l-ewwel xhieda tas-sewwa anke f’dak li għandu x’jaqsam mar-realtà tal-familja.
Mons. Isqof spiċċa billi stieden lis-seminaristi sabiex jużaw tajjeb iż-żmien, b’mod speċjali fil-waqfa tas-sajf. Dan għandu jkun żmien fejn kull wieħed minna jersaq dejjem aktar lejn is-sors tal-verità: Ġesù Kristu. Dan jista’ jseħħ permezz tat-talb u l-meditazzjoni, tal-qari spiritwali u permezz tal-esperjenzi li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Fi tmiem l-Ewkaristija Mons. Isqof radd ħajr lill-formators tal-ħidma kontinwa tagħhom fil-formazzjoni tas-seminaristi. Radd ħajr ukoll lill-ġenituri u lill-ħbieb tas-seminaristi, li offrew lil uliedhom bħala don lill-Knisja ta’ Kristu.
Wara l-quddiesa dawk preżenti kellhom festin ċkejken fil-bitħa tas-Seminarju.