Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Ġunju s-seminaristi temmew is-sena ta’ formazzjoni tagħhom fis-Seminarju. Issa kull wieħed minnhom ikun jista’ jingħaqad mal-familjari tiegħu għat-tliet xhur tas-Sajf. Tul dawn ix-xhur is-seminaristi jkunu impenjati fil-parroċċi tal-oriġini u anke fil-parroċċi fejn huma qed iwettqu l-esperjenza pastorali tagħhom. Tul is-sajf ukoll kull seminarista jagħmel xi esperjenza ta’ volontarjat. Ħafna minnhom jagħmluha f’art barranija.
L-aħħar tlitt ijiem fis-Seminarju kienu ġranet differenti mill-oħrajn. Filgħodu l-komunità tat id-daqqa t’id tagħha fit-tindif u fil-manutenzjoni tas-seminarju. Filgħaxijiet kellna diversi laqgħat u attivitajiet ta’ konklużjoni, fosthom il-barbeque ġewwa Ħondoq. Dan sar it-Tlieta 17 ta’ Ġunju. L-għada, l-Erbgħa, filgħaxija ngħaqdu magħna l-familjari u l-membri tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju għall-quddiesa tal-aħħar tas-sena. Mons. Isqof Mario Grech mexxa l-quddiesa flimkien mal-formators, fejn radd ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel mas-Seminarju u mad-Djoċesi ta’ Għawdex.
Wara l-quddiesa dawk preżenti kellhom festin ċkejken fil-bitħa tas-Seminarju.