Nhar il-Ħamis 14 ta’ April ġie organizzat is-seba’ Ħamis b’talb għal iktar vokazzjonijiet. Filgħodu bdejna bil-Quddiesa fil-Kappella tas-Seminarju u wara saret l-esposizzjoni li tat bidu għall-Adorazzjoni li ġiet fi tmiemha fl-4.00pm. Filgħaxija, kif kien ipprogrammat, ġiet organizzata siegħa Adorazzjoni fil-knisja ta’ San Lawrenz, f’San Lawrenz. Għaliha kienu mistiedna b’mod speċjali l-parruċċani. Fl-ewwel parti tal-Adorazzjoni, ir-Rettur qasam ma’ dawk preżenti ħsieb ta’ Dun Mikiel Attard fuq il-misteru kbir tal-Għid, bi promozzjoni għall-kawża tal-beatifikazzjoni tal-qaddej tiegħu. It-tieni parti tal-Adorazzjoni mexxewha s-seminaristi. Tulha sar ħsieb marbut ma’ dan iż-żmien tal-Għid li qed ngħixu u mas-Sena tal-Ħniena. Qabel il-Barka Sagramentali saru xi talbiet quddiem Ġesù Ewkaristija. L-Adorazzjoni li jmiss se ssir il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2016 filgħodu fis-Seminarju u fis-7.25pm fiż-Żebbuġ.