Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-għaqda fost il-knejjes Insara, nhar il-Ħamis 24 ta’ Jannar filgħaxija ġiet mistiedna l-komunità Anglikana li ta’ kull nhar ta’ Erbgħa tiltaqa’ fil-kappella tas-Seminarju għas-servizz tagħha. Għal din il-laqgħa ġie mistieden ukoll il-Kanċillier tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta, ir-Rev. Kan. Simon Godfrey.
Il-Kanċillier iltaqa’ mal-komunità tas-Seminarju u mexxa konferenza li fiha tkellem fuq il-Knisja Anglikana, u ta deskrizzjoni tal-kawżi li wasslu għax-xiżma mill-Knisja Kattolika Rumana. Fl-istess waqt hu qal li għalkemm l-Anglikani, fis-seklu sittax, tbiegħdu minn Ruma u nqatgħu minnha, huma ma nqatgħux mill-fidi u mill-ispiritwalità tagħha. Ir-Rev. Godfrey stqarr li l-Knisja Anglikana hija Kattolika fl-ispirtu tagħha. Kien hemm żmien fejn dan l-ispirtu ċċajpar minħabba l-protestantiżmu, li eventwalment daħal fl-Ingilterra. Bħala risposta għal dan, tul l-istorja tal-Anglikaniżmu kienu diversi l-movumenti li fakkru fl-oriġini Kattoliċi tal-istess Knisja Anglikana u anke wrew ix-xewqa li xi darba terġa’ ssir l-għaqda. L-akbar fost dawn huwa l-Oxford Movement, li minnu l-Kardinal John Henry Newman kien jagħmel parti.
Fi tmiem il-konferenza r-Rev. Simon Godfrey awgura u għamel kuraġġ lis-seminaristi f’din il-mixja vokazzjonali tagħhom. Hu wegħdhom it-talb tiegħu u stqarr li l-komunità Anglikana dejjem żammet lill-komunità tas-Seminarju fit-talb tagħha. Skont ir-Rev. Godfrey l-akbar sfida tal-Knisja tal-futur, kemm dik Kattolika u anke dik Anglikana, se jkun l-indifferentiżmu u l-ostilità tal-‘Kristjani’ lejn il-Knisja. Din hi sfida kbira li teħtieġ saċerdoti konvinti, saċerdoti li b’żelu qaddis iridu jerġgħu jkebbsu n-nar tal-fidi fil-qalb bierda tan-nies.
Fi tmiem il-konferenza kulħadd inġabar fil-kappella għas-servizz ekumeniku mmexxi mir-Rettur tas-Seminarju, Fr Daniel Xerri u il-Kanċillier ir-Rev. Kan. Simon Godfrey. Għal dan il-mument ingħaqdu magħna wkoll il-membri tal-komunità Anglikana. Wara, għaddejna għas-sala fejn kien hemm ftit refreshments tal-okkażjoni.