News

Seminar dwar il-Konċilju Vatikan II

Seminar on Vatican Council II (5)Nhar it-Tnejn 11 ta’ Frar immarka l-bidu tat-tieni semestru.  Wara l-waqfa tal-eżamijiet, it-Tnejn filgħodu, is-seminaristi rritornaw għal-lectures.  It-Tnejn filgħaxija Fr John Anthony Berry SThD ingħaqad mal-komunità sabiex imexxi seminar.  Fih hu ta informazzjoni bażika dwar il-Konċilju Vatikan II.

Fr John stqarr kif il-Papa Ġwanni XXIII ġie ispirat minn diversi teoloġi u movimenti li fil-bidu tas-seklu għoxrin kienu qed jisħqu fuq il-bżonn li ssir riforma fi ħdan il-Knisja.  Dan wasslu biex ħabbar il-Konċilju Vatikan II u biex ħamsin sena ilu, fil-11 ta’ Ottubru 1962, nedih.  Fr Berry ippreżenta d-diversi viżjonijiet tal-Konċilju, filwaqt li tana diversi linji gwida prattiċi li permezz tagħhom aħna nistgħu naqraw id-dokumenti tal-Konċilju, b’mod speċjali l-erba’ kostituzzjonijiet.

Filgħaxija l-komunità ngħaqdet mal-Isqof u mal-Knisja Għawdxija ġewwa Ta’ Pinu.  Hemm saret quddiesa għall-bżonnijiet tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, fil-jum li fih hu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li nhar il-Ħamis 28 ta’ Frar jieqaf jeżerċita l-ministeru Petrin tiegħu, bħala Isqof ta’ Ruma.

 

Share it on