News

Ritorn fis-Seminarju għal sena ta’ formazzjoni oħra

IMG_4740Il-komunità tas-Seminarju reġgħet lura għal sena oħra ta’ formazzjoni l-Ġimgħa 22 ta’ Settembru. Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien, fosthom in-nofstanhar ta’ riflessjoni li sar nhar l-1 ta’ Settembru fil-kappella tal-Madonna tal-Blat fil-Qala.

Il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru, wara li ġiet iċċelebrata l-quddiesa, is-seminaristi taw daqqa t’id fit-tindif u fit-tħejjija tal-post għal sena oħra u tkellmu waqt sharing fuq id-diversi esperjenzi ta’ volontarjat li huma wettqu fis-sajf.  Filgħaxija niżlu fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien għal barbeque.

Bejn il-Ħadd 24 u l-Ħamis 28 ta’ Settembru l-komunità iġabret f’Saint Joseph Retreat House, ir-Rabat Malta, għall-irtir tal-bidu tas-sena, immexxi minn Dun Noel Debono.

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru ġiet iċċelebrata l-quddiesa lill-Ispirtu s-Santu, immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech li biha ngħatat bidu għas-sena akkademika. Waqt l-omelija Mons. Grech ħeġġeġ lis-saċerdoti preżenti u lis-seminaristi sabiex bħal Natanael – bniedem bla qerq –  ma jkunux bnedmin ta’ żewġt uċuh, konxji mir-riskju li hemm li jidħqu bihom infushom u bil-Knisja. Ħeġġeġ lil kulħadd sabiex ikun umli f’dak kollu li jwettaq. Għal din il-quddiesa kienu mistiedna l-professuri, il-familjari tas-seminaristi u l-membri tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.

Fi tmiem il-Quddiesa saret bibita fis-sala.

It-Tnejn 2 t’Ottubru tajna bidu għal-lezzjonijiet.

Ritratti

Share it on