Il-komunità tas-Seminarju reġgħet lura għal sena oħra ta’ formazzjoni t-Tnejn 22 ta’ Settembru. Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien, fosthom in-nofstanhar ta’ riflessjoni li sar nhar il-31 ta’ Lulju fil-kappella tal-Monasteru tal-Klarissi Dar Nazaret, ir-Rabat. Mexxiet ir-riflessjoni Sr. Rose Ellis. Fl-aħħar ġimgħa tal-vaganzi s-seminaristi taw daqqa t’id fit-tindif u fit-tħejjija tas-Seminarju għal sena oħra ta’ formazzjoni.
It-Tnejn 22 ta’ Settembru, wara li ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija, is-seminaristi ltaqgħu flimkien u tkellmu waqt sharing fuq id-diversi esperjenzi ta’ volontarjat li huma wettqu fis-sajf. Filgħaxija niżlu Marsalforn għal barbeque. F’din il-ġurnata ngħaqad mal-komunita Dun Tony Sciberras mssp, ir-Rettur il-maħtur għas-Seminarju. Dun Tony se jibda l-ministeru tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2015, sadanittat, f’dawn it-tliet xhur, hu se jkun jgħix fis-Seminarju. F’dan iż-żmien Dun Daniel Xerri se jibqa’ r-Rettur tas-Seminarju.
Bejn l-għada t-Tlieta 23 u s-Sibt 27 ta’ Settembru l-komunità kienet ġewwa r-Rabat Malta, għand is-Sorijiet tas-Saint Joseph, għall-irtir tal-bidu tas-sena. Din id-darba kien Dun Joe Mifsud, Viċi Rettur tas-Seminarju ta’ Malta, li mexxa l-irtir.
Il-ħajja fis-Seminarju qabdet ir-rittmu normali nhar l-Erbgħa 1 ta’ Ottubru. It-Tlieta 30 ta’ Settembru ngħata bidu għas-sena akkademika permezz tal-Quddiesa lill-Ispirtu s-Santu, immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech.
L-Isqof waqt l-omelija tkellem fuq il-Vanġelu tal-ġurnata. Ġesù dar u mar b’determinazzjoni sħiħa lejn Ġerusalemm. Mons. Grech ħeġġeġ lis-saċerdoti preżenti u lis-seminaristi sabiex bħal Ġesù jkollhom viżjoni lejn fejn huma mexjin. Din il-viżjoni għandha tkun it-twaqqif tas-Saltna ta’ Alla. Huma bħal Ġesù għandhom jimxu lejn Ġerusalemm b’rieda sħiħa. Fit-triq għal Ġerusalemm, bħal Ġesù, għandhom jidħlu fis-Sammarija: il-periferija tas-soċjetà u tal-Knisja tagħna. Għal din l-Ewkaristija kienu mistiedna l-professuri, il-familjari tas-seminaristi u l-membri tal-Għaqda Ħbieb tas-Seminarju.
Fi tmiem il-Quddiesa saret bibita. Dan kien il-waqt fejn Dun Tony Sciberras mssp iltaqa’ għall-ewwel darba kemm mal-lecturers u kif ukoll mal-persuni kollha preżenti.