Minn żmien għal żmien il-grupp missjunarju fi ħdan is-Seminarju ta’ Għawdex jieħu ħsieb li jistieden lil xi saċerdot missjunarju Għawdxi sabiex jaqsam mas-seminaristi l-esperjenza missjunarja tiegħu. Għalhekk nhar il-Ħamis, 30 ta’ Jannar, il-grupp ħa ħsieb li jistieden lil Dun Raymond Portelli li bħalissa jinsab għal xi jiem ta’ mistrieħ f’Għawdex.
Dun Raymond huwa saċerdot min-Nadur li bħalissa qiegħed jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu bħala missjunarju fil-Peru. Huwa kien mistieden sabiex jiċċelebra l-quddiesa fllimkien mal-komunita’ fejn qasam ukoll xi ftit mill-esperjenza missjunarja tiegħu. Fil ħsieb tiegħu ma naqasx milli jistieden lis-seminaristi sabiex ikunu ġenerużi u qatt ma jagħlqu l-bieb għas-sejħat ta’ Alla u biex ma jibżgħux jekk jagħrfu li l-Mulej ikun qed isejħilhom biex jaqduh bħala missjunarji. Għax il-Mulej joffri lil persuna dak kolla li jkollha bżonn sabiex tgħix il-vokazzjoni tagħha bil-ferħ.
Wara l-quddiesa, Dun Raymond kien mistieden sabiex jingħaqad mal-komunita’ għall-kolazzjon.