Nhar is-Sibt 11 ta’ April ħalliena Fr Anton Azzopardi sj. Dan il-Ġiżwita kien ir-rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù għal disa’ snin sħaħ. Għaldaqstant nhar it-Tnejn 11 ta’ Mejju, f’għeluq ix-xahar minn mewtu, Mons. Isqof Mario Grech mexxa Quddiesa għal ruħu fis-Seminarju t’Għawdex. Għal din il-Quddiesa kienu mistiedna s-saċerdoti li studjaw fis-Seminarju bejn l-1969 u l-1978. Ikkonċelebraw ukoll xi patrijiet Ġiżwiti, fosthom il-Provinċjal Fr Patrick Magro u Fr John Scicluna, l-aħħar Ġiżwita li kien rettur tas-Seminarju t’Għawdex (1995-1997).
Mons. Isqof Mario Grech radd ħajr lil Alla għall-Kumpanija ta’ Ġesù li għal diversi snin ipprovdiet saċerdoti li qdew b’imħabba lis-Seminarju t’Għawdex. Fil-ħin tal-prietka hu ħa l-okkażjoni biex jistieden lis-saċerdoti preżenti, speċjalment dawk li jgħinu fil-formazzjoni tas-seminaristi, sabiex jitolbu lil Alla d-don tal-Ispirtu tal-verità. Dan għandu jdawwalhom fid-dixxerniment kontinwu tagħhom tal-kandidati għas-saċerdozju. Fl-istess waqt l-Ispirtu jrid jgħinhom jiffurmaw persuni li kapaċi jagħrfu jaqraw dak li Alla jrid minnhom u anki jaqraw ir-rieda ta’ Alla fis-sitwazzjonijiet li huma jkunu qed jaħdmu fihom bħala saċerdoti. Mons. Isqof fisser li Fr Anton Azzopardi sj, kien tassew persuna li għarfet tħalli lilha nfisha titmexxa mill-Ispirtu. Dan deher b’mod speċjali fir-riforma li hu rnexxielu jġib fis-Seminarju t’Għawdex sakemm dam rettur.
Fr Anton Azzopardi sj twieled il-Ħamrun fl-14 ta’ Jannar 1925. Huwa daħal Ġiżwita fl-1 ta’ Ottubru 1945 u ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Lulju 1956. Nhar it-2 ta’ Frar 1963 għamel il-professjoni solenni tiegħu. Wara li kien rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi, fl-1969 ġie mibgħut Għawdex biex ikun ir-rettur tas-Seminarju. Hu qeda dan il-ministeru wara Dun Ġużeppi Mercieca, eventwalment l-Arċisqof ta’ Malta. Fr Anton kien l-ewwel wieħed li reġa’ fetaħ it-tradizzjoni li s-Seminarju t’Għawdex ikun immexxi minn patri Ġiżwita. L-aħħar Ġiżwita qablu li kien rettur tas-Seminarju kien Fr Emmanuele Grima sj, li qeda bħala rettur sal-1909. Għal 28 sena sħaħ, minn Fr Anton Azzopardi sj (1969) sa Fr John Scicluna sj (1997), is-Seminarju ġie mmexxi mill-Ġiżwiti. Wara li qeda fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù Fr Anton Azzopardi reġa’ kien rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi, sal-1985. Huwa temm il-ħajja tiegħu fuq din l-art nhar il-11 ta’ April 2015, fin-Naxxar.