Nhar it-Tlieta 25 ta’ Marzu, fl-okkażjoni tas-solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej, filgħaxija, il-komunità tas-seminarju ngħaqdet mal-pellegrini li żaru l-kappella tal-Lunzjata fir-Rabat, u magħhom iċċelebrat it-tieni għasar u l-Ewkaristija.
Waqt il-quddiesa, d-Djaknu Daniel Sultana għamel riflessjoni fuq is-sejħa ta’ Marija u fuq l-aċċetazzjoni tas-sejħa.
Fi tmiem it-talb tal-fidili r-Rettur sejjaħ imbagħad lid-Djaknu Daniel sabiex jippreżenta t-talba tiegħu għall-ordinazzjoni presbiterali. Huwa għamel dan filwaqt li l-kongregazzjoni ngħaqdet miegħu f’talba fis-skiet.
Fi tmiem il-Quddiesa, fl-okkazjoni tal-anniversarju tas-sittin sena mill-wasla tal-istatwa, ir-Rettur tal-kappella Mons. Karm Borg ippreżenta lir-Rettur tas-Seminarju borża ta’ studju li kienet miġbura minn fost il-komunita’ li tattendi għas-servizzi liturġiċi f’din il-kappella.