Nhar is-Sibt 14 ta’ Frar saret quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla fil-bidu tal-ministeru ta’ Fr Tony Sciberras MSSP bħala rettur tas-Seminarju.
Mons. Isqof Mario Grech mexxa din il-quddiesa li għaliha kienu mistiedna Fr Frankie Cini (is-Superjur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Malta), Fr Paul Sciberras (ħu r-Rettur), il-formators tas-Seminarju, is-seminaristi, is-sorijiet u anki rappreżentanza tal-ħaddiema u tal-voluntiera tas-Seminarju. Fil-mument tal-prietka Mons. Isqof tkellem fuq il-mandat li qed jafda f’idejn Fr Tony, dan filwaqt li radd ħajr lis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u lill-familja ta’ Fr Tony, li għamluha possibbli li hu jaċċetta din il-missjoni.
Mons. Isqof qal li l-Vanġelu tal-ġurnata (Lq 10,1-12) jispjega tajjeb il-mandat ta’ Fr Tony. Hu Ġesù li jibgħat lid-dixxipli tiegħu u hu Ġesù li jsejjaħ u jibgħat lis-saċerdoti biex ixandru l-bxara t-tajba. Ix-xandir tal-aħbar afdat f’idejn is-saċerdot hu s-sliem li jilħaq qalb kull bniedem, anki qalb il-bniedem tal-ġurnata tal-lum, li jinsab daqstant imtaqqal. Għalhekk Ġesù jistieden kontinwament biex l-imsejħin iġeddu l-motivazzjonijiet tagħhom u jagħrfu jagħtu prijorità assoluta lil din il-missjoni. “Il-ħaddiema huma ftit.” Mons. Isqof qal li dan ma jirriflettix biss il-kwantità imma wkoll huma ftit il-ħaddiema li huma tassew ta’ kwalità.
Għaldaqstant Mons. Mario Grech ġabar il-messaġġ tiegħu lil Fr Tony fit tliet sejħat: li jaħdem biex is-seminaristi jsiru dejjem aktar bnedmin ta’ Alla (bnedmin ta’ talb); li jsiru persuni li lesti biex jidħlu b’mod sħiħ u responsabbli għall-missjoni; u li jagħmel mis-seminaristi persuni li jħaddnu l-faqar (distakkati).
Wara l-prietka Mons. Isqof flimkien mal-konċelebranti talbu l-Ispirtu s-Santu fuq Fr Tony fil-bidu ta’ din il-ħidma speċjali. Ir-Rettur, min-naħa tiegħu, fi tmiem il-quddiesa għamel messaġġ ċkejken ta’ ringrazzjament.
Il-komunità tas-Seminarju tawgura lil Fr Tony fil-bidu tal-missjoni tiegħu bħala rettur tas-Seminarju.