News

Quddiesa fi tmiem is-Sena ta’ Formazzjoni – ir-Rit tal-Ammisjoni

Il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju Mons. Isqof ingħaqad mal-komunità fil-kappella tas-Seminarju għall-Quddiesa fi tmiem is-Sena ta’ Formazzjoni.  Kienu mistiedna għal din il-Quddiesa l-familjari tas-seminaristi flimkien mal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju.  Tul din il-Quddiesa s-seminaristi Michael Grima u Carl Scerri ġew ammessi bħala kandidati għall-ordni sagri.

Permezz tal-prietka Mons. Isqof stqarr li għandu għal qalbu ħafna s-Seminarju u jixtieq li jibqa’ dar miftuħa li tagħti kontribut siewi fid-djoċesi tagħna.  Dan hu l-post fejn komunità ta’ żgħażagħ twettaq l-eżerċizzju tad-dixxerniment fid-dawl tal-vokazzjoni saċerdotali.  Hu stqarr li barra li jissaħħaħ is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù jeħtieġ li jissaħħu wkoll il-familji, is-seminarji ż-żgħar.  Huwa fihom li jiġu mrawma l-vokazzjonijiet.  Hu importanti li s-saċerdoti flimkien mal-bqija tal-komunità jaħdmu sabiex kull familja, anki dawk li huma feruti, ikomplu joffru lok fejn il-Mulej ikompli jsejjaħ aktar żgħażagħ biex jimxu warajh.

Wara l-omelija r-Rettur Dun Tony Sciberras mssp ippreżenta lil Michael Grima u lil Carl Scerri li min-naħa tagħhom wieġbu “iva” għall-mistoqsijiet li għamlilhom Mons. Isqof.  Hekk huma ġew milqugħa bħala kandidati għall-ordinazzjoni djakonali li se jirċievu l-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2016.

Is-seminaristi bdew il-vaganzi tas-Sajf nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju 2016.  Dan il-perjodu jkun għalihom żmien ta’ esperjenzi pastorali u fih huma jqattgħu aktar ħin ma’ tal-familja tagħhom.

Share it on