News

Qed joqrob it-tmiem tas-Sena Akkademika 2012-2013

Farewell GabrielKull bidu għandu tmiemu.  Is-sena formattiva 2012-2013 qed toqrob ukoll għal-konklużjoni tagħha.  It-Tnejn 13 ta’ Mejju, id-Djaknu Gabriel resaq għall-eżami finali tiegħu.  Dakinhar għamel il-parti tal-kitba.  Il-Ħamis 16, filgħodu kellu l-parti orali.  Hekk ġew fi tmiemhom is-seba’ snin ta’ formazzjoni li Gabriel Gauci kellu fi ħdan is-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.  It-tarġa li tmiss issa hija l-ordinazzjoni presbiterali li se ssir is-Sibt 26 ta’ Mejju fis-6.00pm, fil-Katidral ta’ Għawdex.

Il-bqija tal-komunità wkoll bdiet tħoss li s-sena qed tasal fi tmiemha.  L-Erbgħa 15 ta’ Mejju s-seminaristi ppreżentaw l-assignments lill-Prefett tal-istudju.  Min-naħa tiegħu, Mons. Salv Grima ppubblika t-time-table tal-eżamijiet tal-aħħar.

Farewell Gabriel (3)Nhar l-Erbgħa wkoll, filgħaxija, il-komunità nġabret ġewwa Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem għall-quddiesa li ġġib fi tmiemhom il-laqgħat tal-ministeri.  Tulha, f’mumenti differenti, is-seminaristi ressqu talba lil Alla.  F’kull intervent is-seminaristi qasmu ma’ sħabhom l-esperjenza li huma kellhom tul is-sena li qed tasal fi tmiemha.

Tul dawn il-ġranet, fin-Novena tal-Ispirtu s-Santu, il-komunità qed tingħaqad mal-bqija tal-Knisja f’sejħa kontinwa lill-Ispirtu s-Santu biex jiġi u jgħammar f’kull wieħed minna.  It-talba qed issir b’mod speċjali għall-kandidati tal-Griżma tal-Isqof u għall-ordinandi li se jiġu ordnati fil-ġimgħat li ġejjin.

 

Ritratti

Share it on