News

Pellegrinaġġ tas-Seminaristi għal Ruma fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi

Fl-okkażjoni tas-sena tal-fidi, aħna s-seminaristi Għawdxin flimkien mas-superjuri tagħna konna fost 66 pajjiż mid-dinja preżenti Ruma għal-Laqgħa Internazzjonali tas-Seminaristi, Novizzi u dawk kollha li qed jiddixxernu dwar is-sejħa li Alla qed jagħmlilhom. Tlaqna lejn l-Italja nhar l-24 ta’ Ġunju fejn konna alloġġjati fir-residenza tas-sorijiet Kompassjonisti qrib il-parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja f’Ruma.

Rome in the Year of Faith (15)L-ewwel ftit jiem ta’ dan il-pellegrinaġġ tagħna f’Ruma kienu jiem ta’ mistrieħ fejn jumejn minnhom għaddejnihom fil-belt ta’ San Franġisk – Assisi. Hemmhekk żorna l-postijiet u l-knejjes prinċipali bħal, Bażilika ta’ San Franġisk, Santa Kjara, San Damjan u Santa Maria degli Angeli, magħrufa aħjar bħala l-Porziuncola. Kif konna Assisi, għaddejna ukoll minn La Verna, il-post fejn jingħad illi hawn San Franġisk irċieva l-pjagi. Wara Assisi żorna wkoll il-Belt ta’ Pompej kif ukoll il-belt l-antika milquta mill-vulkan Vessuvju qrib is-sena 79 W.K. Għamilna quddiesa fis-Santwarju sabiħ tal-Madonna ta’ Pompej fejn hemm kellna l-okkażjoni li niltaqgħu ma’ Monsinjur Tommaso Caputa, l-isqof ta’ din il-belt li ftit xhur ilu kien in-Nunzju Appostoliku għal Malta. Esperjenza sabiħa oħra li kellna f’Pompej, kienet li stajna nitilgħu fuq il-Vessuvju.

Rome in the Year of Faith (25)ll-Ħamis, 4 ta’ Lulju, beda l-programm imħejji għas-Seminaristi u n-Novizzi fil-Vatikan. Dan fetaħ b’pellegrinaġġ bil-mixi lejn il-Qabar ta’ San Pietru fejn saret l-Istqarrija tal-Fidi. L-għada imbagħad, f’diversi knejjes ta’ Ruma, saru Katekeżi b’diversi lingwi waqt li wara nofsinhar kellna ftit ħin liberu li fih żorna l-Katakombi ta’ San Kallistu li fih hemm midfuna ħafna martri u qaddisin fosthom 16 –il papa. Fl-istess ġurnata filgħaxija ġiet organizzata Festa Internazzjonali fi Piazza del Campidoglio bis-sehem ta’ gruppi tal-kant u wkoll bi qsim ta’ xhieda tal-ħajja vokazzjonali ta’ xi persuni.

Il-qofol ta’ dan il-pellegrinaġġ intlaħaq b’żewġ laqgħat sbieħ mal-Papa Franġisku. L-ewwel udjenza mal-Papa saret nhar is-Sibt 6 ta’ Lulju fis-Sala Pawlu VI fil-Vatikan. Qabel ma tkellem il-Papa, kien hemm ukoll mumenti ta’ qsim ta’ esperjenzi, kif ukoll mumenti ta’ ferħ fejn fost l-oħrajn kanta xi għanjiet magħrufa l-grupp Irlandiż The Priests. Tul din l-udjenza il-Papa wassal il-messaġġ tiegħu fejn qal li s-saċerdot għandu jgħix ferħan għax “m’hemmx qdusija f’min hu serju żżejjed”. Barra minn hekk hu kompla jgħid li s-saċerdot għandu jħobb il-faqar b’mod speċjali billi jgħix il-ħajja tiegħu bl-aktar mod sempliċi mingħajr ebda lussu. Wara l-laqgħa mal-Papa, saret velja Marjana fil-Ġonna tal-Vatikan fejn il-parteċipanti kollha imxejna madwar il-ġonna sbieħ tal-Vatikan waqt li tlabna bit-talba  tar-Ruzarju.

Rome in the Year of Faith (33)Il-Laqgħa Internazzjonali ntemmet il-Ħadd filgħodu b’Quddiesa mill-Papa fil-Bażilika San Pietru. Konna wkoll preżenti għat-talba tal-Angelus illi ssir ta’ kull nhar ta’ Ħadd mill-Papa stess f’nofsinhar fil-Pjazza tal-Vatikan. Il-Ħadd filgħaxija kellna okkażżjoni sabiħa ħafna, meta aħna ltqajna mas-saċerdoti Għawdxin li qed jaqdu l-ministru tagħhom ġewwa l-belt ta’ Ruma għall-ikel. It-Tnejn, li kienet l-aħħar ġurnata tagħna fil-Belt ta’ Ruma, żorna wkoll Greccio fejn San Franġisk ta’ Assisi għamel l-ewwel presepju, is-Santwarju ta’ Fonte Colombo, kif ukoll il-Cascate delle Marmore.

Żgur li dawn il-jiem bħala komunità flimkien f’din il-Laqgħa Internazzjonali f’Ruma, komplew jibnuna l-ewwel u qabel kollox bħala bnedmin kif ukoll għenuna nħarsu lejn is-saċerdot bħala l-bniedem li fis-sempliċità tiegħu huwa dejjem disponibbli għall-qadi u s-servizz tal-oħrajn.

 

Ritratti

Share it on