News

Nibdew il-mixja tar-Randan

Nhar it-Tlieta 5 ta’ Frar, lejliet Ras ir-Randan, ġiet iċċelebrata t-tħabbira tar-Randan. Fis-7pm il-komunità nġabret fil-kappella fejn ir-Rettur, Dun Richard N. Farrugia, mexxa ċ-ċelebrazzjoni. Wara li tkantat it-tħabbira, l-artal u l-ambone ġew imlibbsa l-kulur vjola waqt li tkanta l-innu ‘Attende Domine’. Wara li ġie mxandar il-Vanġelu tal-ewwel Ħadd tar-Randan, ir-Rettur għamel spejgazzjoni tas-silta fid-dawl tal-bidu ta’ dan iż-żmien ta’ riflessjoni u tiġdid. Wara r-Rettur ippropona xi bidliet li ser isiru fil-programm tul dan iż-żmien sabiex jgħinu lill-komunità tgħix aħjar dan iż-żmien. Fost oħrajn: il-komunità tinġabar għat-talba ta’ nofs il-jum qabel l-ikel, il-Ġimgħa filgħaxija jinżamm is-silenzju, u jkun hemm mumenti fejn jiġi reċitat talb devozzjonali marbut ma’ dan iż-żmien. Għalaqna billi kantajna flimkien is-salm tal-Liturġija tal-ewwel Ħadd tar-Randan.

Share it on