News

Mysterium Ultimum

Poster Mysterium UltimumIs-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, bil-kollaborazzjoni tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, għal sena oħra, fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, ħa ħsieb itella’ wirja ta’ arti sagra fis-Sala tal-istess Seminarju.  Din l-esibizzjoni tkun imħejjija minn xi artist lokali: din is-sena ntgħażel Aaron Formosa.

Aaron Formosa twieled fil-Belt Victoria fl-1980 u hu kiseb l-M.A. fil-Filosofija mill-Università ta’ Malta.  Hu bażikament tgħallem ipitter waħdu u x-xogħlijiet tiegħu jinsabu f’diversi kollezzjonijiet f’Malta u anke barra minn Malta.  Aaron ħa sehem f’diversi esibizzjonijiet tal-arti, imma Mysterium Ultimum hi l-ewwel esibizzjoni tal-arti mtella’ minnu b’mod individwali.

Il-wirja ġiet miftuħa minn Mons. Isqof Mario Grech, nhar is-Sibt 23 ta’ Marzu 2013.  Dakinhar ir-Rettur tas-Seminarju, Fr Daniel Xerri, introduċa din l-inizjattiva u stqarr li fil-kollezzjoni tiegħu, Aaron Formosa rnexxielu joħroġ tajjeb ħafna l-kobor tal-misteru tal-Għid.  Hu spjega li l-isem tal-esibizzjoni ġie meħud mir-riflessjoni tat-Teologu Kattoliku, Karl Rahner, li sejjaħ il-misteru paskwali: Mysterium Ultimum, il-misteru fundamentali.

Mysterium Ultimum (3)Fi tmiem l-introduzzjoni tar-Rettur, l-artist innifsu, Aaron Formosa spjega l-messaġġ li jixtieq li joħroġ mill-arti tiegħu, speċjalment dik li kienet esibita fil-wirja.  Imbagħad, Joe Camilleri ġie mistieden biex jagħmel apprezzament tal-biċċiet tal-arti esibiti.  Mons. Isqof għalaq billi stqarr li l-arti tista’ tkun mezz tajjeb ħafna biex issir l-evanġelizzazzjoni l-ġdida.  Hu ħeġġeġ għalhekk sabiex dawn l-opportunitajiet li qed joffri s-Seminarju jkunu mezz biex jgħinu lill-bniedem ikompli jersaq aktar lejn Alla.  Fi tmiem id-diskors tiegħu Mons. Isqof iddikkjara l-wirja miftuħa.  L-esibizzjoni baqgħet miftuħa sal-Erbgħa 3 ta’ April.

Ritratti

Share it on