News

Mument Ekumeniku ta’ Talb

Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Jannar 2019, saret ċelebrazzjoni ekumenika bejn il-komunità tas-Seminarju tad-Djoċesi t’Għawdex u l-kongregazzjoni Anglikana ta’ Ommna Marija u San Ġorġ tad-Djoċesi tal-Ewropa. Fis-6pm bdejna bir-radd tas-salib. Wara saru xi talbiet ta’ maħfra, segwiti mil-liturġija tal-Kelma. Il-qassis Anglikan Rev. Simon Godfrey qasam magħna riflessjoni qasira dwar l-irwol tas-saċerdot fil-Knisja Anglikana u dik Kattolika Rumana, kif ukoll l-importanza tal-formazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ f’seminarju bi tħejjija għall-ordinazzjoni saċerdotali. Komplejna dan il-mument ta’ talb billi tajna l-paċi, wara stqarrejna flimkien il-Kredu ta’ Niċea u fl-aħħar saru xi talbiet. Għalaqna dan il-mument billi talbna flimkien it-talba tal-Missierna.

Dan il-mument kien segwit minn bibita qasira fis-sala tas-Seminarju. Aktar tard, Rev. Simon Godfrey tkellem mas-seminaristi dwar is-similaritajiet u d-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ knejjes. Huwa wieġeb ukoll xi mistoqsijiet li kellhom is-seminaristi dwar dan.  Hu għalaq billi qal li hemm aktar x’jgħaqqadna flimkien milli x’jifridna, u għalhekk mumenti bħal dawn għandhom jinkoraġġuna biex inkomplu naħdmu fuq dak li jgħaqqadna flimkien.

Share it on