Nhar it-Tlieta 2 ta’ Ottubru ngħaqad għall-ikel, flimkien mas-seminaristi, l-E.T. Mons Benjamin Phiri, Isqof Awżiljarju ta’ Chipata fiz-Zambia. Kien jinsab fi triqtu lejn Ruma biex jieħu sehem fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Flimkien miegħu ġie wkoll id-direttur tal-Moviment Missjunarju ta’ Malta, Mons. Salvinu Micallef.
L-għada l-Erbgħa 3 ta’ Ottubru żar il-komunità l-E.T. Mons Selim Sayegh, Isqof Emeritus tal-Ġordan. Kien qed jagħmel żjara lill-membri tal-Ordo Virginum f’Malta u Għawdex. Hu wkoll baqa’ għall-ikel. Fi tmiem l-ikla Mons. Selim ta l-messaġġ tiegħu u ħeġġeġ lis-seminaristi biex minn issa jitgħallmu jkunu fidili fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Din hi t-triq li twassal lis-seminarista biex ’il quddiem ikun verament saċerdot li jħobb b’mod sħiħ lil Kristu u lill-Knisja tiegħu.