Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Ġunju 2016, Solennità ta’ San Ġwann Battista fil-Knisja Katidrali, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex amministra s-Sagrament tal-Ordni Sagri fil-grad tad-Djakonat lil Michael Grima mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz u Carl Scerri mill-Parroċċa tal-Katidral, fil-preżenza tal-familjari u l-ħbieb flimkien ma’ numru sabiħ ta’ saċerdoti. Il-Quddiesa tal-Ordinazzjoni ġiet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof qasam maż-żewġ seminaristi li ġew ordnati djakni x-xewqa tiegħu li huma jaħdmu sabiex ikollna kultura tal-għotja.
L-Isqof Grech tkellem fuq ir-rakkont tat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista li huwa minsuġ propju bil-ħjut tal-loġika tal-għotja. Il-Mulej wera ħniena kbira ma’ Eliżabetta u fi xjuħitha taha iben. Alla kien ġeneruż ma’ Żakkarija u reġa’ tah mhux biss id-don tal-kelma imma wkoll id-don tal-fiduċja fiH. Anki l-isem mogħti lit-tifel, “Ikun jismu Ġwanni”, ifisser li din it-tarbija hija don. Ġwanni kien tassew don ta’ Alla għall-poplu Lhudi għax kien l-aħħar profeta li Alla pprovdielhom biex jgħinhom jilqgħu lil Kristu, li huwa l-ikbar don ta’ Alla għalina.
L-Isqof kompla billi qal li Alla min-natura tiegħu huwa “għotja”. Alla huwa mħabba bla tarf u għandu d-dgħufija li din l-imħabba ma jafx iżommha għalih, għalhekk kontinwament iferra’ l-abbundanza tal-grazzja fuq l-umanità.
Fl-aħħar ħeġġeġ lil Michael u lil Carl sabiex ma jkunux xħaħ, imma jkunu ġenerużi fis-servizz li joffru lill-bnedmin, partikularment lill-foqra. Saħaq li huma m’għandhomx jagħmlu kalkoli u li m’għandhomx iħallu l-ministeru tagħhom ikun ikkundizzjonat mil-liġi tas-suq.