News

Merħba lil Dun Tony Sciberras MSSP

Merħba Dun Tony SciberrasFil-bidu tas-sena l-ġdida ngħaqad magħna Dun Tony Sciberras.  Eventwalment, Dun Tony f’Jannar li ġej se jsir ir-Rettur il-ġdid tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.  F’dan iż-żmien qabel jieħu f’idejh it-tmexxija tas-Seminarju, Dun Tony qed jgħix fil-komunità u jipparteċipa fl-attivitajiet kollha li jsiru fis-Seminarju tagħna.

Dun Tony Sciberras mssp għandu 62 sena.  Fi tmiem il-kors tat-teoloġija li hu għamel fil-Kulleġġ San Tumas,f’San Duminku r-Rabat, Malta, ordna saċerdot fid-9 ta’ Lulju 1978.  Wara kompla l-istudji tiegħu ġewwa l-Università Gregorjana f’Ruma u fl-1982 kiseb liċenzja fit-Teoloġija tal-Ispiritwalità.  Fl-1989 kiseb ukoll id-diploma tal-Postulaturi mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin.  Fl-2005 ħa d-dottorat minn Ruma fit-Teoloġija tal-Ħajja Kkonsagrata.

Hu kellu diversi rwoli fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.  Dun Tony għal xi żmien kien il-prefett tal-prenovizzi, surmast tan-novizzi, moderatur tal-istudenti mssp, assistent tas-superjur ġenerali, delegat tas-superjur ġenerali għal Malta, ekonomu provinċjali, superjur ta’ Sant’Agata fir-Rabat, u postulatur tal-kawża ta’ Mons. Ġużeppi De Piro.

Dun Tony Sciberras kien ko-fundatur u membru ta’ Centre for Religious Institutes (CIR) u koordinatur tal-korsjiet u lecturer fi CIR u INSERM.  Hu visiting lecturer tat-Teoloġija u tat-Teoloġija Spiritwali tal-Ħajja Kkonsagrata fl-Università ta’ Malta.  Jagħti wkoll dan il-kors tal-Ħajja Kkonsagrata fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.  Dun Tony hu d-direttur tal-Istitut tal-Ħajja Kkonsagrata (IHK).

Illum huwa wkoll il-postulatur tal-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard, viċi postulatur tal-kawżi ta’ Mons. Ġużeppi De Piro u ta’ Ineż u Henry Consolani.  Kien ukoll il-postulatur tal-kawża ta’ Maria Theresa Nuzzo.

Merħba Dun Tony Sciberras!

Share it on