Nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru ngħaqdu mal-komunità tas-Seminarju t-tlitt żgħażagħ li se jibdew l-esperjenza tas-Sena Propedewtika.
Marlon Bajada u Franklin Micallef mill-parroċċa tal-Madonna tas-Sakkors u San Girgor il-Kbir, ta’ Kerċem u Matthew Borg mill-parroċċa ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra se jkunu qed jgħixu l-esperjenza tal-Propedewtika fis-Seminarju. Huma għandhom programm speċifiku għalihom imqassam tul il-ġimgħa bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Fin-nofstanhar ta’ filgħodu huma jmorru fil-post tax-xogħol, li s-Seminarju assenja lil kull wieħed minnhom. Jingħaqdu mal-bqija tal-komunità wara nofsinhar fejn jattendu għall-ħafna mill-attivitajiet li jsiru f’dawn il-ħinijiet. Tul din is-sena huma jagħmlu wkoll xi korsijiet ta’ introduzzjoni għall-filosofija u t-teoloġija. Din is-sena tkun għalihom ukoll mument importanti ta’ riflessjoni u dixxerniment biex fi tmiemha jressqu t-talba biex jiġu aċċettati għall-ewwel sena tal-kors bħala seminaristi.
Merħba Marlon, Franklin u Matthew!