Il-komunità tas-Seminarju reġgħet lura għal sena oħra ta’ formazzjoni nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru. Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien, fosthom in-nofstanhar ta’ riflessjoni li sar nhar id-19 ta’ Lulju f’ Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem.
Il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru s-seminaristi daħlu s-seminarju fejn kellhom laqgħa mir-rettur il-ġdid Dun Richard ġie maħtur f’Ġunju li għadda u wara ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija. Filgħaxija s-seminaristi ltaqgħu flimkien u tkellmu waqt sharing fuq id-diversi esperjenzi ta’ volontarjat li huma wettqu fis-sajf u wara rħewlha għall-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fejn hemm hekk ghamlu BBQ li jimmarka l-bidu ta’ sena oħra. Ta’ min jgħid ukoll, li f’dan il-jum is-seminaristi ltaqgħu għall-ewwel darba mal-Viċi-Rettur, Dun Gabriel Gauci.
L-għada s-Sibt fin-nofstanhar ta’ filgħodu saret Konferenza Stampa fejn fiha ngħatat xi informazzjoni fuq l-attivitajiet li s-seminarju tagħna ser ikun qed jorganizza f’għeluq il-150 Sena minn mindu infetaħ dan is-seminarju. Il-Ħadd 25 filgħaxija l-komunità tat bidu għall-irtir tal-bidu tas-sena fir-Rabat Malta. Din is-sena sar ukoll fid-Dar tas-Sorijiet tas-Saint Joseph. Din id-darba kien Dun Mark Sultana li mexxa l-irtir li ntemm il-Ħamis 29 ta’ Settembru.
Filgħaxija mbagħad ngħata bidu għas-sena akkademika permezz tal-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu, immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech. Permezz ta’ din il-Quddiesa l-komunità sellmet lil Fr Tony Sciberras MSSP. Minħabba li dakinhar iċċelebrajna l-Festa tal-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel, waqt l-omelija l-Isqof semma li aħna bħall-anġli rridu nkunu medjaturi bejn l-art u s-sema. Għaldaqstant l-Isqof ħeġġeġ lis-saċerdoti sabiex ikunu qrib l-Iskrittura u jagħrfu jittraduċuha għaż-żminijiet tal-lum sabiex ikunu l-vera medjaturi. Għal din l-Ewkaristija kienu mistiedna l-professuri, il-familjari tas-seminaristi u l-membri tal-Għaqda Ħbieb tas-Seminarju. Fi tmiem il-Quddiesa saret bibita.