News

Lura s-Seminarju wara l-waqfa tas-Sajf

DeaconIl-komunità tas-Seminarju reġgħet inġabret flimkien, għal sena ta’ formazzjoni ġdida, nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru 2013.  Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien.  Ta’ min isemmi l-ordinazzjoni djakonali tas-Seminarista Daniel Sultana, mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, fil-Katidral ta’ Għawdex nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju. Is-Seminaristi taw ukoll is-servizz tagħhom fil-festi ta’ San Ġorġ u Santa Marija.  F’nofs is-sajf, nhar il-Ġimgħa 2 t’Awwissu, is-seminaristi inġabru għal nofs ta’ nhar ta’ riflessjoni mmexxi minn Dun Jopseph Bajada f’Dar Manresa, ir-Rabat.  Kien hemm ukoll mumenti fejn is-seminaristi taw daqqa t’id fix-xogħol li kien għaddej fis-Seminarju.

Irtir Bidu tas-sena  (3)Dakinhar li s-seminaristi daħlu lura mis-sajf, wara li ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija, huma qasmu flimkien id-diversi esperjenzi li għexu tul is-sajf u filgħaxija niżlu Ħondoq għal barbeque. Bejn l-għada t-Tlieta 24 u s-Sibt 28 ta’ Settembru l-komunità nġbret ġewwa r-Rabat Malta, f’Dar St. Joseph, għall-irtir tal-bidu tas-sena.  Din id-darba kien Mons. Pawlu Cardona li mexxa l-irtir.

Il-ħajja fis-Seminarju qabdet ir-rittmu normali nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru.  Dakinhar ingħata bidu għas-sena akkademika permezz tal-Quddiesa lill-Ispirtu s-Santu, immexxiha minn Mons. Isqof Mario Grech.  Għal din l-Ewkaristija kienu mistiedna l-professuri, l-familjari tas-seminaristi, kif ukoll l-għaqda ħbieb tas-Seminarju.

 

Ritratti 

Share it on