News

Lura s-Seminarju wara l-waqfa tas-Sajf

Il-komunità tas-Seminarju reġgħet inġabret flimkien, għal sena ta’ formazzjoni ġdida, nhar it-Tnejn 24 ta’ Settembru 2012.  Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien.  Ta’ min isemmi l-ordinazzjoni djakonali tas-Seminarista Gabriel Gauci, mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u ta’ San Girgor f’Ta’ Kerċem, fil-Katidral ta’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju.  Saret il-quddiesa flimkien mas-saċerdoti u d-djaknu l-ġodda nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju ġewwa l-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Marsalforn.  F’nofs is-sajf, nhar it-8 ta’ Awwissu, is-seminaristi inġabru għal nofs ta’ nhar ta’ riflessjoni mmexxi minn Dun Karm Gauci f’Dar Stella Maris, iż-Żebbuġ.  Fl-aħħar ġimgħa tal-vaganzi huma taw daqqa t’id fit-tindif u fit-tħejjija tas-Seminarju għal sena oħra ta’ formazzjoni.

Dakinhar li s-seminaristi daħlu lura mis-sajf, wara li ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija, huma qasmu flimkien id-diversi esperjenzi li għexu tul is-sajf u filgħaxija niżlu Marsalforn għal barbeque.   Din kienet l-okkażjoni li fiha ngħatat merħba lil Fr Alex Refalo bħala d-direttur spiritwali l-ġdid tas-Seminarju.  Hu ħa post Fr Joseph Farrugia li qeda lill-komunità bħala direttur spiritwali għal dawn l-aħħar ħames snin.  Bejn l-għada t-Tlieta 25 u s-Sibt 29 ta’ Settembru l-komunità kienet ġewwa r-Rabat Malta, f’Dar il-Lunzjata, għall-irtir tal-bidu tas-sena.  Din id-darba kien Fr Tony Sciberras M.S.S.P. li mexxa l-irtir.

Il-ħajja fis-Seminarju qabdet ir-rittmu normali nhar it-Tnejn 1 ta’ Ottubru.  Dakinhar ingħata bidu għas-sena akkademika permezz tal-Quddiesa lill-Ispirtu s-Santu, immexxiha minn Mons. Isqof Mario Grech.  Għal din l-Ewkaristija kienu mistiedna l-professuri u l-familjari tas-seminaristi.

Ritratti

Share it on