Il-komunità tas-Seminarju reġgħet lura għal sena oħra ta’ formazzjoni nhar it-Tnejn 21 ta’ Settembru. Tul il-waqfa tas-sajf kien hemm diversi mumenti li fihom il-komunità ltaqgħet flimkien, fosthom in-nofstanhar ta’ riflessjoni li sar nhar il-11 ta’ Awwissu f’Manresa, ir-Rabat. Mexxa r-riflessjoni Fr Martin Cilia mssp.
It-Tnejn 21 ta’ Settembru s-seminaristi taw daqqa t’id fit-tindif u fit-tħejjija tas-Seminarju għal sena oħra ta’ formazzjoni. L-għada, it-Tlieta 22 ta’ Settembru filgħodu ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija u wara s-seminaristi ltaqgħu flimkien u tkellmu waqt sharing fuq id-diversi esperjenzi ta’ volontarjat li huma wettqu fis-sajf. Ta’ min jgħid ukoll, li f’dan il-jum is-seminaristi ltaqgħu għall-ewwel darba mal-pastoral mentor, Dun Giovanni Curmi. Dun Giovanni se jakkumpanja lis-seminaristi fl-esperjenzi pastorali li jkollhom fil-parroċċi matul is-sena ta’ formazzjoni. Imbagħad filgħaxija l-komunità tat bidu għall-irtir tal-bidu tas-sena fir-Rabat Malta. Din is-sena sar ukoll fid-Dar tas-Sorijiet tas-Saint Joseph. Din id-darba kien Mons. Anton Gouder li mexxa l-irtir li ntemm is-Sibt 26 ta’ Settembru.
L-Erbgħa 30 ta’ Settembru ngħata bidu għas-sena akkademika permezz tal-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu, immexxija minn Mons. Isqof Mario Grech. Minħabba li dakinhar iċċelebrajna t-tifkira ta’ San Ġilormu, waqt l-omelija l-Isqof qasam magħna xi riflessjonijiet ta’ dan il-qaddis. San Ġlormu ddeskriva lill-kjeriku, il-persuna kkonsagrata, bħala bniedem li s-sehem tiegħu huwa Alla. San Ġlormu, is-saċerdot li ttraduċa l-Kotba Mqaddsa mill-Grieg għal-Latin, jgħallimna li “min ma jafx l-Iskrittura Mqaddsa ma jafx lil Kristu”. Għaldaqstant l-Isqof ħeġġeġ lis-saċerdoti sabiex ikunu qrib l-Iskrittura u jagħrfu jittraduċuha għaż-żminijiet tal-lum. Għal din l-Ewkaristija kienu mistiedna l-professuri, il-familjari tas-seminaristi u l-membri tal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju. Fi tmiem il-Quddiesa saret bibita.