Wara l-vaganzi tal-Milied is-seminarju kompla bl-inizjattiva li kien beda din is-sena bħala parti mill-formazzjoni tas-seminaristi li jorganizza laqgħat b’orjentament pastorali. Dawn il-laqgħat qed isiru l-iskop li jgħinu lis-seminaristi jsiru jafu aħjar bid-diversi grupp, għaqdiet u ħidmiet pastorali li għandna fid-Djoċesi tagħna waqt li jiffamiljarizzaw aktar ruħhom ma’ dawn l-għaqdiet u l-ħidma li qed iwettqu.
L-ewwel laqgħa għas-sena 2014 saret nhar it-Tlieta, 21 ta’ Jannar u għaliha ġie mistieden is-Sur Ivan Farrugia li huwa soċju tal-Museum sabiex ikellimna dwar din is-soċjeta’. Waqt din il-laqgħa, Ivan qasam mal-komunita’ l-istorja u l-oriġini ta’ din l-organizzazzjoni. Is-soċjeta’ tal-Museum taf il-bidu tagħha f’Malta, meta ġiet imwaqqfa mis-saċerdot qaddis San Ġorġ Preca, imma llum din tinsab ukoll f’diversi pajjiżi. Huwa tkellem ukoll dwar d-dimensjonijiet tal-vokazzjoni museumina li huma mibnija fuq id-dimensjoni lajkali, id-dimensjoni ċelibatarja, id-dimensjoni attiva-appostolika, id-dimensjoni profetika, u d-dimensjoni kontemplattiva. Ma naqasx ukoll milli jitkellem dwar l-isfidi li s-soċjeta’ qed tiltaqgħa magħhom illum fil-ħidma li hija twettaq.
Imbagħad, nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Frar ġew mistiedna membri mill-Komunita’ Anawim sabiex jaqsmu mal-komunita’ tas-Seminarju l-għan, l-ħidma u l-kariżma tal-Komunita’ Anawim. Dan l-istitut sekulari ta’ fidili lajċi ġie mwaqqaf fid-Djoċesi ta’Għawdex fit-28 ta’ Novembru, 1987. Imbagħad, nhar it-28 ta’ Novembru, 2013, l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech waqqaf il-Komunita’ Anawim bħala assoċjazzjoni lajkali pubblika. Dak li ġabar il-membri flimkien, kienet ix-xewqa tal-konsagrazzjoni lajkali mgħixa f’komunita’ imma fl-istess ħin il-membri jibqgħu jgħixu d-dar tagħhom u jwettqu l-ħidma tagħhom fid-dinja. Infatti fost l-appostolat li l-membri jwettqu insibu s-sapport li jagħtu lit-tfajla omm kif ukoll l-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ.
Laqgħa oħra tmexxiet mill-Spigolatrici della Chiesa nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Frar. Dan l-istitut lajkali ta’ ħajja kkonsagrata ġie mwaqqaf minn Pia Tavernelli, żagħżugħa Taljana. L-isem ta’ dan l-istitut hu mdawwal mill-figura bibblika ta’ Rut, mara li toħroġ fl-għelieqi sabiex tiġbor il-fdalijiet tal-qamħ. Minn hawn toħroġ il-kariżma ta’ dan l-istitut lajkali, jiġifieri li jagħtu l-għajnuna tagħhom lis-saċerdoti u lill-Knisja. Infatti l-membri ta’ dan l-istitut insibuhom attivi fost l-oħrajn fost dawk li huma emarġinati waqt li jagħmlu talb ta’ riparazzjoni biex ipattu għall-ingratitudni lejn Ġesu’ Ewkaristija. Il-membri fi ħdan dan l-istitut jistgħu jagħżlu li jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom, imma jistgħu jgħixu ukoll fi fraternita’.
Nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Marzu, imbagħad ġie mistieden Dun Anton Teuma flimkien ma żewġ koppji li jagħmlu parti mill-komunita’ Ewkaristika. Il-Komunitajiet Ewkaristiċi jafu l-oriġini tagħhom f’Ruma fis-snin 70 u l-iskop tagħhom kien li l-lajċi jsiru aktar midħla tal-Kelma ta’ Alla. Il-komunita’ tgħix erba’ mumenti partikulari: il-Katekeżi, il-kondiviżjoni tal-Kelma, l-adorazzjoni, u l-Ewkaristija. F’Għawdex fil-preżent hawn 13-il komunita’ Ewkaristika li jiġbru fihom madwar 300 membru. Permezz ta’ dawn il-komunitajiet, il-membri jkunu jistgħu jirċievu formazzjoni reliġjuża sabiex imbagħad ikunu jistgħu jaqsmu l-Kelma mal-oħrajn mhux biss bil-kliem imma wkoll bl-eżempju. Kif xhedu l-membri, il-Komunita’ Ewkaristika tgħinhom mhux biss fl-aspett spiritwali, billi tressaqhom aktar qrib il-Kelma ta’ Alla, imma wkoll fl-aspett human fejn huma jsibu post fejn jistgħu jaqsmu u jiddiskutu id-diffikultajiet tagħhom.
Għal darb’oħra, nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Marzu, ġie mistieden Dun Anton Teuma li flimkien ma grupp ta’ koppji lajċi jieħu ħsieb il-Kummissjoni Djoċesana Familja. Flimkien ma’ Dun Anton ġew ukoll xi membri li huma parti minn din il-kummisjoni. Din il-kummisjoni għandha tliet għanijiet partikulari: li tgħin lill-koppji għarajjes fit-tħejjija għaż-żwieġ; li takkumpanja l-familji li jkunu fil-bidu tal-ħajja miżżewġa; u li tgħin u tissapportja familji li jkunu qed jesperjenzaw problemi anke fiż-żwieġ jew li huma sseparati jew anke fit-tieni relazzjoni, u dan isir permezz tal-Konċistorju tal-Familja. Minbarra dan il-Kummissjoni Djoċesana Familja tieħu ħsieb li torganizza diversi laqgħat u seminars bil-għan li tgħin fil-formazzjoni tal-familji. Waqt il-laqgħa l-membri tal-kummisjoni kellhom iċ-ċans li jaqsmu mal-komunita’ tas-seminarju l-esperjenza tagħhom dwar il-ħidma li huma jwettqu fid-djoċesi u fil-parroċċi, kif ukoll l-ġid li huma stess jirċievu.