News

Laqgħat b’orjentament pastorali

Kif imħabbar iktar kmieni, matul din is-sena is-seminarju ħa l-inizjattiva li bħala parti mill-formazzjoni tas-seminaristi jorganizza laqgħat b’orjentament pastorali. Dawn il-laqgħat għandhom l-iskop li jgħinu lis-seminaristi jsiru jafu aħjar bid-diversi grupp, għaqdiet u ħidmiet pastorali li għandna fid-Djoċesi tagħna waqt li jiffamiljarizzaw aktar ruħhom ma’ dawn l-għaqdiet u l-ħidma li qed iwettqu.

Pastoral Orientation talks (3)Nhar l-Erbgħa, 23 t’Ottubru kien mistieden is-Sur Alfred Grech, membru fi ħdan il-Leġjun ta’ Marija. Waqt din il-laqgħa, Alfred qasam mal-komunita’ l-istorja u l-oriġini ta’ din l-organizzazzjoni u anke l-iskop li din twaqqfet ukoll f’Għawdex. Huwa tkellem ukoll dwar l-formazzjoni li jirċievu l-membri tal-Leġjun ta’ Marija, kif ukoll dwar il-ħidma li qed twettaq din l-għaqda fid-Djoċesi ta’ Għawdex u lilhinn minnha. Ma naqasx ukoll milli jistieden lis-seminaristi biex ikunu iktar midħla tal-Leġjun u dwar l-irwol li s-Saċerdot imma wkoll is-seminarista jista’ jkollu fi ħdan din l-organizzazzjoni. Huwa stieden ukoll lis-seminaristi sabiex jekk jixtiequ, jieħdu sehem f’wieħed mill-Pellegrinazio pro Cristo li l-Leġjun ta’ Marija ser ikun qed jorganizza matul is-sajf li ġej.

Pastoral Orientation talks (7)L-Erbgħa, 6 ta’ Novembru kien imiss lis-Sur Antoine Vassallo, president tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex sabiex jaqsam mal-komunita’ tas-Seminarju l-ħidma ta’ din l-għaqda. Huwa tkellem dwar l-oriġini tal-Azzjoni Kattolika ġewwa l-Italja, u kif ittieħdet l-inizzjattiva sabiex din titwaqqaf f’Għawdex. Semma wkoll r-rabta li teżisti bejn is-Seminarju Maġġuri u l-Azzjoni Kattolika, anke għall-fatt li fil-bidu l-membri tal-Azzjoni Kattolika kienu jiltaqgħu fis-Seminarju għall-laqgħat. Huwa fisser l-Azzjoni Kattolika bħala għaqda tal-apostolat tal-lajċi li toffri tagħlim lill-membri biex, imsaħħa mit-talb jaħdmu fil-Parroċċi u fid-Djoċesi f’rabta mal-Isqof u l-Kappillani. Fost il-ħidmiet li l-membri tal-Azzjoni Kattolika jwettqu nistgħu nsemmu ħidmiet mal-anzjani, tagħlim tad-duttrina, u dan l-aħħar l-Isqof wera x-xewqa li fid-Djoċesi ta’ Għawdex l-membri jibdew jieħdu ħsieb li javviċinaw u jgħinu lill-persuni li jħossuhom fil-periferija tal-Knisja.

Pastoral Orientation talks (13)Imbagħad l-Erbgħa, 4 ta’ Diċembru ġew mistiedna il-koppja Joe u Ġiovanna Rapa li jiffurmaw parti mill-Komunita’ tal-Mixja Neokatekumenali. Waqt din il-laqgħa huma tkellmu dwar l-oriġini ta’ dan il-moviment li beda fis-snin sittin f’Madrid fi Spanja permezz ta’ persuna li kien fi tfittxija tal-fidi. Tkellmu ukoll fuq kif dan evolva kif ukoll dwar l-iskop tal-laqgħat li huma jagħmlu fejn joħorġu fid-dieher it-tlett pilastri li fuqhom hu mibni dan il-moviment, jiġifieri il-Kelma ta’ Alla, l-Ewkaristija u l-komunita’. Permezz tal-laqgħat l-persuna tkun tista’ tagħmel mixja ta’ fidi li għandha twassalha biex tibni relazzjoni ma’ Alla.

 

Ritratti

 

Share it on