F’rabta mat-tema magħżula għal din is-sena ‘Hawn hi Ommok”, nhar is-Sibt, 30 ta’ Novembru, ġiet organizzata laqgħa ta’ formazzjoni li tmexxiet minn Fr. Ray Toledo bħala parti mill-preparazzjoni għall-att ta’ Konsagrazzjoni lill-Madonna.
Waqt din il-laqgħa, Fr. Ray għamel referenzi għall-Ktieb ta’ San Luigi Maria de Montfort, True Devotion to Mary, ktieb li din is-sena qiegħed jakkumpanja lill-komunita’ qat il-qari spiritwali ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.
F’din il-laqgħa Fr. Ray tkellem dwar l-importanza tal-figura ta’ Marija speċjalment fil-ħajja tas-Saċerdot għax bħalma kienet Marija li preparat u akkumpanjat lil Ġesu’ fil-missjoni tiegħu, hekk ukoll trid tkun Marija li tipprepara u takkumpanja lil kull Saċerdot fil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-Knisja.
Marija hi wkoll t-triq li permezz tagħha l-bniedem jista’ jasal għand binha Ġesu’ u dan jidher b’mod speċjali fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana, fejn l-aħħar kelmiet ta’ Marija lill-qaddejja jkunu: “Għamlu kull ma’ jgħidilkom Hu”.
Fr. Ray tkellem ukoll dwar l-importanza tat-talba tar-Rużarju bħala talba ma’ Marija li tmexxina qalb l-episodji l-iktar importanti fl-istorja tas-salvazzjoni.