Nhar is-Sibt, 20 ta’ Ġunju 2015, fil-Knisja Katidrali, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex amministra s-Sagrament tal-Ordni Sagri fil-grad tad-Djakonat lil Joseph Attard mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, Massimo Buttigieg mill-Parroċċa tal-Katidral, u Mario Curmi mill-Parroċċa tax-Xagħra, fil-preżenza tal-familjari u l-ħbieb flimkien ma’ numru sabiħ ta’ saċerdoti. Il-Quddiesa tal-Ordinazzjoni ġiet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof qasam mat-tliet seminaristi li ġew ordnati djakni x-xewqa tiegħu li ma jitwieldux djakni għajjenin.
L-Isqof Grech silet il-ħsieb tiegħu mill-Vanġelu tal-Liturġija tal-ġurnata, li jirrakkonta dwar kif Kristu sikket it-tempesta fuq il-Baħar tal-Galilija. Ġesù, qal l-Isqof, kien mimli ħeġġa biex jaqsam lejn in-naħa l-oħra tal-għadira, lejn Ġerasa, il-post li jirrappreżenta l-komunità pagana, għax lilhom ried iwassal il-Kelma. Eku ta’ dan hi s-sejħa tal-Papa Franġisku biex inkunu Knisja li toħroġ, taqdef ’il barra biex tevanġelizza fil-periferiji tas-soċjetà. Hemm bżonn li anki aħna “naqsmu għal Ġerasa”, qal l-Isqof Grech, u ma nsofrux mill-“kumpless ta’ Ġona” li ttenta jaħrab mir-rieda ta’ Alla li jħabbar l-indiema lill-pagani midinba.
L-Isqof interpreta l-biża’ tad-dixxipli bħala l-biża’ tagħna wkoll li nidħlu għal din l-avventura evanġelika, għax jogħġbuna iżjed l-ambjenti komdi li drajna fihom u nibżgħu minn xi tempesta! “Tfittxux imwejjed mifruxin”, wissa lid-djakni, hu u jfakkarhom fil-missjoni tagħhom li jkunu qaddejja tal-komunità. Ħeġġeġ ukoll biex ma naqilgħux tempesti għall-komunità, imma nħallu lil Ġesù jaħdem fina.
Bi tħejjija għal dawn il-mumenti qawwija l-Knisja ta’ Għawdex ġiet mistiedna biex il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju, tinġabar fis-Seminarju biex tingħaqad mal-ordinandi u titlob flimkien magħhom. Din il-velja ta’ talb, li ġiet imxandra b’mod dirett fuq Radju Marija, kienet tikkonsisti f’żewġ mumenti partikulari. Fl-ewwel mument ġiet iċċelebrata l-liturġija tal-Kelma, fejn wara l-qari ta’ siltiet mill-Iskrittura, r-Rettur tas-Seminarju spjegaha permezz tal-omelija. Fi tmiem il-prietka ġie espost Ġesù Sagramentat għal ftit mumenti ta’ adorazzjoni.
Wara il-Barka Sagramentali, Ġesù Ewkaristija ġie meħud imbagħad fil-kappella u baqa’ espost il-lejl kollu sabiex il-fidili setgħu jinġabru għat-talb personali. Mons. Isqof Mario Grech għalaq il-Velja billi wassal il-messaġġ tiegħu tal-okkażjoni.