Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Martin, Isqof ta’ Tours, ta’ kull sena, is-Seminarju jorganizza l-Ikla ta’ San Martin. Din is-sena l-ikla saret nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru. Din l-attività tradizzjoni, li ilha ssir għal għexieren ta’ snin ġiet organizzata mill-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju. L-iskop prinċipali ta’ din l-ikla huwa wieħed ta’ ġbir ta’ fondi b’risq is-Seminarju Maġġuri. Din is-sena wkoll, ammont kbir ta’ nies (mal-mija u erbgħin ruħ) ippakkjaw is-sala tas-Seminarju sabiex jieħdu gost flimkien filwaqt li jduqu mill-benna tal-ikel imħejji mill-voluntiera flimkien mas-sorijiet tas-Seminarju. L-ikla kompliet tiġi mżewqa b’serata ta’ mużika minn Spiru Sillato, waqt li ma naqsux ukoll ir-rigali li jittelgħu bix-xorti. F’din l-attività s-seminaristi jkollhom rwol differenti mill-bqija tas-sena għax ikunu huma li jservu l-ikel.