Il-festa ta’ San Martin ta’ Tours din is-sena ħabtet il-Ħadd 11 ta’ Novembru. Fl-okkażjoni ta’ din il-festa, ta’ kull sena, is-Seminarju jorganizza l-Ikla ta’ San Martin. Din is-sena l-ikla saret nhar is-Sibt 10 ta’ Novembru. Din l-attività llum nistgħu nsejħulha tradizzjoni għax ilha ssir għal għexieren ta’ snin. L-organizzazzjoni tagħha kienet f’idejn l-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju. L-iskop prinċipali ta’ din l-ikla huwa wieħed ta’ ġbir ta’ fondi b’risq is-Seminarju Maġġuri. Din is-sena wkoll, ammont kbir ta’ nies (mal-mija u sittin ruħ) ippakkjaw is-sala tas-Seminarju sabiex jieħdu gost flimkien filwaqt li jduqu mill-benna tal-ikel imħejji mill-volunitiera flimkien mas-sorijiet tas-Seminarju. F’din l-attività s-seminaristi jiksbu rwol differenti mill-bqija tas-sena: huma jaqdu bħala waiters… Għalhekk min jattendi għal din l-ikla jista’ jgħid li jiġi servut mis-seminaristi… Manuel Rapa ħa ħsieb biex iżomm ambjent feliċi permezz tal-kant u l-battuti tiegħu. Mons. Isqof Mario Grech, is-Sur Anton Tabone u s-Sinjura tiegħu onorawna bil-preżenza tagħhom.