Is-seminarista Joseph Hili, mix-Xagħra, u li jinsab fil-ħames sena ta’ formazzjoni, irċieva l-ministeru tal-Lettorat nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar 2016.
Mons. Isqof Mario Grech istitwixxa lil Joseph f’dan il-ministeru waqt Quddiesa fil-knisja arċipretali tal-Qala. Diversi qassisin ikkonċelebraw waqt il-Quddiesa, fosthom il-formators tas-Seminarju. Kienu diversi dawk li attendew għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Wara l-Vanġelu Joseph ġie ppreżentat lil Mons. Isqof bħala kandidat għal dan il-ministeru. Fl-omelija l-Isqof tkellem dwar id-“dalma kollettiva” li spiss taħkem lis-soċjetà tagħna u mhux b’inqas lill-Knisja. L-Isqof ħeġġeġ lil-Lettur il-ġdid, li issa għandu l-ministeru propju li jxandar il-Kelma fil-Liturġija, biex iħalli lil Alla jagħmel minnu għodda siewja ħalli jsemma’ kelmtu lill-bnedmin. Joseph, flimkien mas-saċerdoti u mal-lajċi, hu msejjaħ sabiex ikun dawl speċjalment għal dawk il-persuni l-aktar esklużi. Wara l-prietka Mons. Isqof Mario Grech talab fuq il-kandidat u offrielu l-Bibbja, filwaqt li sejjaħlu sabiex ifassal ħajtu fuqha.