News

L-Għoti tal-ministeru tal-Lettorat

DSC_0065Is-seminaristi li jinsabu fil-ħames sena, Michael Grima (San Lawrenz) u Carl Scerri (Katidral – Victoria), irċivew il-ministeru tal-Lettorat nhar il-Ħadd 15 ta’ Frar 2015.

Mons. Isqof Mario Grech istitwixxa lil Michael u lil Carl f’dan il-ministeru waqt quddiesa fil-bażilka ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra.  Diversi qassisin ikkonċelebraw waqt il-quddiesa, fosthom il-formators tas-Seminarju.  Il-familjari tas-seminaristi flimkien ma’ diversi persuni, kemm mill-parroċċa tax-Xagħra kif ukoll mill-parroċċi tal-Katidral, ta’ San Lawrenz u tax-Xewkija (fejn qed iservi pastoralment Carl Scerri) kienu wkoll preżenti.

DSC_0017Wara l-Vanġelu r-Rettur ippreżenta lill-kandidati u Mons. Isqof laqa’ t-talba tiegħu.  Waqt il-prietka l-Isqof tratta l-Vanġelu tal-ġurnata (il-fejqan tal-lebbruż, Mk 1,40-45) u anki silet xi riflessjonijiet mill-Pastorali tar-Randan 2015, li nqrat dakinhar fil-knejjes kollha ta’ Għawdex.  Mons. Mario Grech stieden lil kulħadd biex ma jibżax jersaq lejn Ġesù biex dan ifejqu: għax Ġesù jħobb lil kulħadd “speċjalment lill-midneb”.  Għaldaqstant, Mons. Isqof qal li Ġesù ġie biex joħroġna mill-mentalità żbaljata tagħna: li Alla ma jaħfirx jew li Alla jkeċċi lill-midinbin.  Hawn hu dar fuq il-letturi l-ġodda u stedinhom biex huma wkoll “joħorġu” minn din il-mentalità u jfittxu li jxandru l-bxara t-tajba lil kulħadd (b’mod speċjali lil dawk li qegħdin “jibku”).

Wara l-prietka Mons. Isqof talab fuq il-kandidati u tahom il-Bibbja.  Fi tmiem il-quddiesa l-Isqof ippreżenta lil dawk preżenti r-Rettur il-ġdid, Fr Tony Sciberras MSSP.

Ritratti: Ray Grech

Ritratti

Share it on