Nhar il-Ħadd 29 ta’ Novembru 2015 (l-Ewwel Ħadd tal-Avvent) Mons. Isqof Mario Grech għamel lis-Seminarista Michael Grima (mill-parroċċa ta’ San Lawrenz) u lis-Seminarista Carl Scerri (mill-parroċċa tal-Katidral, Victoria) akkolti. Il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-familjari tas-seminaristi u xi nies oħrajn, inġabru għall-Quddiesa fil-bażilka ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria.
Mons. Isqof, waqt l-omelija, irrifletta fuq il-Vanġelu tal-ġurnata. Hu qal li Kristu ried ikisser il-kontinwità u jġib “smewwiet ġodda u art ġdida”. L-Isqof spjega li r-reliġjon tagħna trid tgħin lil kull Nisrani jibni relazzjoni bis-sens m’Alla. Relazzjoni li ma tkunx ta’ piż, xkiel jew jasar, iżda reliġjoni li tfittex taqbeż għall-batut. Liż-żewġ seminaristi u lill-presbiteri preżenti ħeġġiġhom biex iġeddu l-Knisja f’Għawdex u jagħmlu minna Knisja li toħroġ tiltaqa’ mal-bniedem u takkumpanjah. Wissihom biex ma jaqtgħu qalb ħadd, imma jgħinu lill-familji u lill-koppji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli sabiex jaraw mill-ġdid l-id ħanina tal-Missier.
Wara l-omelija sar ir-rit tal-għoti tal-ministeru tal-akkolitat. Michael u Carl ġew mogħtija l-patena bil-ħobż u l-kalċi bl-inbid. Mil-lum ’il quddiem huma jistgħu jgħinu fit-tqarbin, iwasslu t-tqarbin lill-morda fi djarhom u jesponu l-Ewkaristija għall-Adorazzjoni.