News

L-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat

Mons. Isqof Mario Grech għamel Massimo 025lis-Seminarista Massimo Buttigieg (mill-parroċċa tal-Katidral, Victoria) akkoltu, nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru 2014.  Il-komunità tas-Seminarju flimkien mal-familjari tas-seminaristi, inġabru għall-Quddiesa fil-bażilka tal-Viżitazzjoni fl-Għarb.

Mons. Isqof mexxa l-Quddiesa u waqt l-omelija tkellem fuq is-sejħa li n-Nisrani għandu biex ikun dawl f’dinja li ħafna drabi hi ddominata mid-dlam.  Dan għandu jagħmlu fuq l-eżempju ta’ San Ġwann il-Battista, personaġġ ċentrali fil-Liturġija tal-Kelma ta’ dakinhar (it-3 Ħadd tal-Avvent).  Mons. Isqof qal li din is-sejħa hi indirizzata b’mod speċjali għal dawk kollha li għażlu li jaċċettaw li jimxu wara Ġesù.  Għal ħafna nies, żagħżugħ li jwieġeb “iva” u jħalli kollox biex ikun saċerdot jew reliġjuż, ikun ħela ħajtu – “waste of life”.  Il-bniedem tal-fidi jaf li dan mhux minnu.  Madankollu hi l-missjoni tas-seminarista u tas-saċerdot, li bil-mod kif hu jgħix ħajtu, iġiegħel lin-nies jistaqsu u jirriflettu!

Fi tmiem il-priedka sar ir-rit tal-għoti tal-ministeru tal-akkolitat, Massimo ġie mogħti l-patena bil-ħobż u l-kalċi bl-inbid.  Mil-lum ’il quddiem hu jista’ jgħin fit-tqarbin u anki joħroġ l-Ewkaristija mit-tabernaklu.

Share it on