News

l-Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat

Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru, fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ta l-Ministeru tal-Akkolitat lis-seminaristi Joseph Attard mill-parroċċa taż-Żebbuġ u Mario Curmi mill-parroċċa tax-Xagħra. Permezz tal-Ministeru tal-Akkolitat lil dawn is-seminaristi ingħatatilhom il-fakultà li jgħinu fit-Tqarbin Imqaddes waqt il-Liturġija kif ukoll fid-djar tal-morda., waqt li jkomplu f’mixja ta’ formazzjoni lejn is-saċerdozju.

Ministry of the Acolytate  (10)Fl-omelija, l-Isqof Grech tkellem dwar Ġwanni l-Battista bħala mudell tal-virtù tal-umiltà.  Għalkemm hu kien bniedem sod f’fehmietu, mill-ħabs ta’ Erodi fejn kien miżmum hu ried ikompli jistħarreġ l-għarfien tiegħu ta’ min hu Kristu, biex ukoll jagħraf aħjar lilu nnifsu.  Fi kliem l-Isqof Grech, dan hu messaġġ ċar għall-komunità Nisranija li qed titħejja għall-Milied.  Aħna trabbejna f’kultura Nisranija bir-riskju li naħsbu li lil Ġesù nafuh biżżejjed.  Imma anki aħna bħal Ġwanni għandna bżonn nagħrfu lil Ġesù iżjed u nistħarrġu lilna nfusna aħniex ngħixu bil-fedeltà s-sejħa Nisranija tagħna.

Ministry of the Acolytate  (7)L-eżempju tal-Battista jgħodd ukoll għall-Akkoliti l-ġodda f’mixja ta’ formazzjoni lejn il-ministeru saċerdotali.  Mhux biżżejjed li jkunu jafu lil Ġesù mill-klassijiet tal-formazzjoni tat-Teoloġija u t-talb personali.  F’din il-fażi ta’ dixxerniment tagħhom, jeħtieġ jitolbu lil Alla d-don tal-umiltà u bħal Ġwanni ma jehdew qatt jistaqsu jafux biżżejjed lill-Mulej Ġesù waqt li jkomplu jistħarrġu wkoll lilhom infushom.  Dan hu l-ministeru profetiku fil-Knisja, tenna l-Isqof.

 

 

 

Ritratti

Share it on