Nhar il-Ħadd 27 ta’ Ottubru 2018, bħala għeluq għall-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Missjunarja, is-seminaristi u s-superjuri marru jagħtu d-demm. Iltaqgħu fil-Berġa tax-Xewkija fil-11.00am u stiednu oħrajn jingħaqdu magħhom. Peress li n-numru ta’ donaturi regolari f’Għawdex qiegħed dejjem jonqos, din kienet opportunità biex nies ġodda jkunu mħeġġa jibdew jagħtu d-demm. Alvin Scicluna, mis-CVC media, ġie hemm biex jiġbed xi xeni qosra u anke jieħu l-kummenti ta’ xi wħud mis-seminaristi u tar-Rettur Fr. Richard N. Farrugia. Dan sabiex jinħadem clip qasir li jkun jista’ jintwera waqt xi bulettin tal-aħbarjiet f’dawn il-jiem. L-għoti tad-demm huwa ġest nobbli li jista’ jsalva l-ħajja ta’ bniedem li jkun jeħtieġ id-demm. Bi ftit sforz u sagrifiċċju nkunu qed nagħtu l-isbaħ rigal lil min jeħtieġu: il-ħajja. Għalhekk inħeġġukom tagħmlu dak il-pass, tegħlbu l-biża’, u tmorru tagħtu d-demm!